Ħamis ix-Xirka - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu (12:1-8.11-14)

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: «Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Israel, u għidilhom: “Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.
Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Israel toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu sa jikluh. F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f‘idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej!
Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob lil kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh!
Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin.”»
Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 115)
Rit: Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu!

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. Rit…

Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
Jien qaddej tiegħek,
bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi. Rit…

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. Rit…

IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (11:23-26)

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: «Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.»
Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel, qal: «Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.»
Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU (Ġw 13:34)
Hallelujah. Hallelujah.
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej: li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.
Hallelujah!

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (13:1-15)

Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.
Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: «Int, Mulej, taħsilli saqajja?» Ġesù wieġbu: «Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem.» Qallu Pietru: «Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!» Wieġbu Ġesù: «Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi.» Qallu Xmun Pietru: «Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll.» Qallu Ġesù: «Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.» Għax hu kien jaf min kien sa jittradih; għalhekk qal: «M’intomx ilkoll indaf.»
Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: «Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.»
Il-Kelma tal-Mulej.      Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- TEST -
+ Mons. Giovanni Cefai
- TEST -
+Mons. Anton Teuma
- TEST -
+ Mons. Cesar Essayan
- TEST -
+ Mons. George Bugeja
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content