Ħamis ix-Xirka sena B
KRISTU U L-UMILTÀ
Fejn hu Alla? Filosfi, poeti, teoloġi, u fittiexa mimlijin bit-tama jew b’jieshom maqtugħ… dawn kollha u ħafna oħrajn ippruvaw jagħtu t-tweġibiet tagħhom. Ġesù, lejlet il-passjoni tiegħu, jagħtina tweġiba li bilkemm ma tfixkilniex. Qed tfixkel saħansitra lili li qed niktibha: Alla jinsab f’riġlejn il-bniedem. Alla jinżel lejn il-bniedem. «Alla – azzarda jgħid b’mod aktar qawwi wieħed teologu – daħal għax-xogħol tal-ħasil tas-saqajn!» Kif azzarda jgħid hekk? Kif nazzarda niktbu? Ngħiduh għax Ġesù hekk għamel tabilħaqq! Il-fatt li Alla jinżel lejn riġlejna, ma jurix biss l-umiltà tiegħu, iżda juri wkoll xi ħaġa sabiħa għall-aħħar: hawn għandna tabilħaqq waħda mill-isbaħ espressjonijiet tal-Vanġelu. Iva, sewwasew fl-inżul ta’ Alla sa riġlejn l-Appostli, aħna mmissu l-kobor bla tarf tal-Vanġelu, ir-raġuni tal-ferħ. Kristu jinżel lejn ir-riġlejn, lejn dik in-naħa l-aktar umli tal-ġisem, dik in-naħa li turi l-faqar tagħna, il-kuntatt tagħna mal-“humus”, mal-art umli. Kristu niżel hemm, lejn in-naħa l-maħmuġa tagħna, u minn hemm jgħidilna li jħobbna u jħobbna «sal-aħħar», kif ifakkarna l-bidu tal-Vanġelu, jaħsilna u jġibna aktar bojod mis-silġ.