NIĊĊELEBRAW, NGĦIXU U NAQSMU L-EWKARISTIJA
+ Giovanni Cefai MSSP
Isqof tal‑Prelatura Territorjali ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil‑Perù
Il-ħajja hija sabiħa iżda hija diffiċli. Il-Mulej jaf tajjeb b’dan għax hu stess għexha. L-imħabba li tingħata lill-oħrajn tiswa prezz għoli, iżda jkollna nammettu li hija biss din l-imħabba li tagħmel il-ħajja tagħna sabiħa. Kull darba li l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata, aħna ngħixu mill-ġdid l-għotja sħiħa tal-Mulej għalina. Forsi b’dispjaċir ngħid li xi drabi rriduċejna l-Ewkaristija għal ċerimonji li la jmissu u anqas jimlew ir-ruħ tal-bniedem. Meta nifhmu fil-verità x’inhi l-Ewkaristija, din tinbidel f ’esperjenza li tagħtina l-qawwa biex naffaċċjaw ir-realtà tal-ħajja tagħna. Inħarsu, għalhekk illum, fil-festa tal-Ewkaristija, lejn erba’ elementi importanti li hija tħaddan.
L-Ewkaristija tiffaċilita s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Ma nistgħux insiru nafu lil Alla u x’inhi r-rieda tiegħu għalina jekk ma nisimgħuhx permezz tal-Kelma tiegħu. Meta wieħed jixtarr il-Kelma, jiltaqa’ mal-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu u lejn kull wieħed minna. Il-Kelma ta’ Alla tgħinna nifhmu min aħna, fejn aħna u liema triq hemm bżonn li naqbdu.
L-Ewkaristija tgħinna ningħaqdu flimkien bħala aħwa. Ma nistgħux ngħixu l-ħajja Nisranija waħedna u ’l bogħod minn xulxin. Fin-natura tagħha, l-Ewkaristija tiġborna flimkien biex nirringrazzjaw lil Alla u nitolbuh. Imma fl-istess ħin tgħinna naqsmu ma’ ħutna d-dawl u d-dehen li nirċievu minnha. Alla juri l-wiċċ tal-ħniena tiegħu magħna permezz tal-qsim tal-ħobż. Hu jingħata bħala ikel għal ruħna. L-Ewkaristija tinbidel f ’esperjenza ta’ mħabba li tlaqqagħna u tgħaqqadna mal-oħrajn, inklużi l-batuti, il-fqar u l-emarġinati.
L-Ewkaristija tibgħatna għand l-oħrajn. Wara li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nirċievu l-Ewkaristija, din tibgħatna biex inservu lill-oħrajn u nwasslulhom il-ferħ, il-paċi u t-tama li l-Mulej jixtieq iwassal għand kulħadd. Meta Ġesù ħasel riġlejn id-dixxipli kien qiegħed ifissrilna x’inhi l-Ewkaristija. Li tgħix l-Ewkaristija jfisser tkun missjunarju u qaddej tal-oħrajn. Meta l-ħajja ssir Ewkaristija, kull vokazzjoni tissarraf f ’servizz lill-oħrajn.
L-Ewkaristija tibqa’ dejjem esperjenza personali. Li ngħixu l-Ewkaristija, li nkunu missjunarji, li naqdu lill-oħrajn, li nħobbu kif ħabbna l-Mulej, u li ningħataw lill-oħrajn kif ingħata Kristu għalina, tibqa’ dejjem esperjenza personali. Dan ifisser li ħadd ma jista’ jagħmilha għalik jew f ’ismek.
Ħbieb, immorru l-Knisja mhux biex nisimgħu l-quddiesa biss iżda biex niċċelebrawha, ngħixuha u naqsmuha mal-oħrajn. Li niċċelebraw l-Ewkaristija mhix obbligazzjoni iżda rigal u privileġġ. Lesti li dar-rigal naqsmuh mal-oħrajn?
Kunu mberkin.