ĦAMIS IX-XIRKA
+Cesar Essayan OFMConv.
Vigarju Appostoliku ta’ Bejrut (il-Libanu)
Kont hemm f’dik il-lejla. Kien il-Ħamis qabel is-Sibt il-Kbir. Ġesù ried jiċċelebra l-Għid fil-kamra ta’ fuq, ried ċena intima ma’ dawk tiegħu, mal-familja tiegħu, dik tat-Tnax li kienu ilhom miegħu tliet snin u kienu x-xhieda ta’ dak kollu li għamel u qal. F’xejn ma waqagħli f’moħħi li dik setgħet tkun l-aħħar ċena tiegħu. Ftit ilu, daħal f’Ġerusalemm bħalma jidħol sultan li jmur biex jieħu pussess ta’ saltnatu. Minn dakinhar l-affarijiet tbiddlu, u ċ-ċena tal-lum kellha ssir bil-moħbi. Lil Ġesù ma tantx kont nafu. Kont smajt lil min jitħaddet fuqu, dwar il-prietki tiegħu u fuq kollox il-mirakli tiegħu. Kont naf ukoll li kien mgħallem differenti, wieħed li jitkellem bis-setgħa u li kien jgħid li Alla hu Missieru u li kien ġie biex jagħti ħajtu għas-salvazzjoni tagħna. Jiena ħejjejt għalih u għad-dixxipli tiegħu il-mejda skont l-ordni tal-imgħallem tiegħi. Imbagħad rajtu jasal mat-Tnax tiegħu. Niftakar f’ħaġa li ħallietni mistagħġeb: waqt l-ikel, Ġesù qam, biddel ilbiesu u beda jaħsel saqajn in-nies li kienu miegħu. Iddixxipli ma għarfux x’jaqbdu jagħmlu. Pietru biss ipprova ma jħallihx imbagħad ħallieh. Qgħadt inħares jien u nistaqsi lili nnifsi x’seta’ jfisser il-ġest ta’ Ġesù. Hu, l-Imgħallem, il-Mulej, jitbaxxa sal-art quddiem niesu. Għaliex? Hu qal li huma wkoll għandhom jagħmlu hekk. Wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù twarrabt biex noqgħod naħseb fuq dan il-ġest u fuq it-tifsira li seta’ jkollu. Dak kollu li għamel Ġesù, għamlu għalija. Miet għalija fuq is-salib, għalija għamel l-Ewkaristija, għalija ta ħajtu, quddiemi tbaxxa biex jaħsilli riġlejja. Dan kollu Ġesù żgur għamlu biex jagħmel ir-rieda tal-Missier, dik ir-rieda ta’ mħabba bla qjies, ħielsa u tingħata b’xejn. Dan għamlu bla ma talab li jintraddlu xejn, filwaqt li wrieni t-triq li minnha għandi nimxi, kif qal hu nnifsu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Naf tajjeb li jien ma għandi ebda mertu. Ġesù joffrili s-salvazzjoni u issa jmiss lili nidħolx jew le, nagħżilx il-ħajja u ningħatax skont il-kmandament tiegħu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Biex jagħmel dal-ġest ta’ salvazzjoni għalija, Ġesù ra fija – bħalma ra f’Pietru, u saħansitra f’Ġuda – xi ħaġa differenti mill-fatt li jiena midneb. Irid ikun hemm xi raġuni għala l-Mulej tal-Ħajja tgħabba bil-mewt sewwasew għalija. U din hi li jien nista’ nħaddan lil Alla, jiġifieri Ġesù ra fija l-ħila li nkun is-Saltna ta’ Alla f’nofs id-dinja, jiġifieri ra fija tama ġdida għad-dinja li fiha ngħix u ħabb fija sal-aħħar dak li jista’ jwassalni – fuq il-passi ta’ San Franġisk ta’ Assisi – li nkun ‘Kristu ieħor’. Ġesù tbaxxa fuq il-possibbiltà li nġorr fija li nkun hu. “Tħallux lil min jisirqilkom it-tama,” sikwit itenni Papa Franġisku liż-żgħażagħ. Ejjew ma nħallux lil min jisirqilna l-fatt li aħna t-tama ta’ Alla fid-dinja tal-lum. Din it-tama li ssir ħajja meta bħal Ġesù jiena nagħti ħajti biex l-ieħor, li hu rigal ta’ Alla, ikun jista’ huwa wkoll ikun is-Saltna t-Tama ta’ Alla għall-oħrajn.