Ħamis ix-Xirka
DAN HU ĠISMI, DAN HU DEMMI
Isqof Koadjutur ta' Tripli
Rigal li għandu minn dak li ma jitwemminx. Rigal li Alla mħabba biss seta’ jimmaġina u joħloq; li jagħti lilu nnifsu fil-ħobż u l-inbid mibdula fil-Ġisem u d-Demm tiegħu, biex mill-ħajja tiegħi u tiegħek jagħmel ħaġa waħda: dik li jgħaqqadna miegħu. Int, Mulej Ġesù, sirt ħobż għalina biex tagħtina l-ħajja. Tajt lilek innifsek kompletament għalina biex turina xi jfisser li aħna nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn, li nkunu qaddejja tal-oħrajn u nilbsu bħalek l-umiltà u naħslu saqajn l-oħrajn. Mhux biex nagħtu xi ħaġa minn dak li hu tagħna, imma biex nagħtu lilna nfusna, il-ħin tagħna, l-attenzjoni tagħna, is-smigħ tagħna, il-ħila tagħna u l-imħabba tagħna.
“Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13: 25).
“U ħabbhom għall-aħħar”, ħaslilhom saqajhom. Għamel ix-xogħol li kien jagħmel l-ilsir, dak li ma kellu l-ebda awtorità. Pietru jeħodha ma’ Ġesu, “ma jkun qatt li taħsilli saqajja,” jgħidlu. Ma jistax ikun li int, il-Mulej tiegħi tumilja ruħek daqshekk u titbaxxa u taħsilli saqajja. Sa dak il-ħin, Pietru kien għadu ma fehemx li l-awtorità ta’ Alla fil-persuna ta’ Ġesù kienet preċiżament fl-umiljazzjoni għall-imħabba tagħna - tiegħi u tiegħek. Alla tant iħobbok li lest jumilja lilu nnifsu biex jaħsillek saqajk. Fil-ħniena kbira tiegħu ma jibżax inaddaf bl-imħabba tiegħu lili u lilek mill-ħtija tad-dnub tagħna. Hekk għamel ma’ Pietru għad li kien jaf li kien sa jiċħdu tliet darbiet. Ħabbu sal-aħħar bl-istess imħabba ta’ qadi u umiljazzjoni li biha jħobb lili u lilek.
Ftit ilu laqtuni ħafna l-kliem li l-Papa Franġisk u qal fl-omelija tiegħu fil-kappella tad-Dar ta’ Santa Marta meta qal: “Ma hemmx umiltà u ma hemmx qdusija qabel ma wieħed jgħaddi mit-triq tal-umiljazzjoni. Id-destin tal-qdusija li Alla jagħti lil uliedu, lill-Knisja tiegħu, iseħħ permezz tal-umiljazzjoni ta’ Ibnu, li jippermetti li jkun insultat, li ħalla lilu nnifsu jitqiegħed fuq is-salib, inġustament... U dan l-Iben ta’ Alla, li jumilja ruħu, din hija t-triq tal-qdusija” (01/02/16).
Mulej, għinni nkun umli biex bħalek inħobb u naqdi, għinni biex verament nieħu bis-serjetà u npoġġi fil-prattika tal-ħajja tiegħi l-eżempju li inti tajtni, “kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.”