Ħamis ix-Xirka - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-EWKARISTIJA U L-MINISTERU TAL-ISQOF
+ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex

L-Ewkaristija hija l-għajn minn fejn titlaq u l-quċċata fejn trid tasal il-ħajja tal-komunità Nisranija. Hemm komunità li temmen għax hemm l-Ewkaristija u hemm l-Ewkaristija għax hemm komunità li temmen. Jekk l-Isqof hu r-Ragħaj tal-komunità li temmen, l-ogħla għemil tal-Isqof huwa li jipprovdi lill-komunità tiegħu bl-ikel tal-Ewkaristija. Dan jagħmlu mhux biss personalment, imma fil-ministeru tiegħu tal-komunjoni mal-presbiteri l-oħra li magħqudin miegħu jiċċelebraw l-Ewkaristija.

L-Ewkaristija hija ċ-ċentru u l-ġabra tal-ministeru kollu tal-Isqof. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-poplu ta’ Alla jidħol f ’intimità mal-Missier permezz ta’ Ġesù li jsir ħobż u nbid, u dan kollu bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis. L-Isqof u l-presbiteri magħqudin miegħu, irid ikollu bħala għan aħħari tal-ħidma kollha tiegħu l-qdusija tal-poplu ta’ Alla. L-ogħla ġid li l-Isqof jista’ jixtieq lill-poplu afdat lilu huwa li jidħol f ’relazzjoni awtentika mal-Missier. Il-mument tal-konsagrazzjoni fil-quddiesa jrid jestendi ruħu għall-bqija tal-ħajja kollha tas-saċerdot imma b’mod speċjali tal-
Isqof. L-Isqof huwa msejjaħ biex ikompli jikkonsagra lil Alla r-realtà kollha tal-ħajja ta’ kuljum, il-ġrajjiet, is-sitwazzjonijiet kollha umani u naturali li jsib ruħu fihom.

Il-mument liturġiku tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla fil-quddiesa jindika parti oħra importanti u essenzjali mill-ħidma tal-Isqof fid-Djoċesi tiegħu – it-Tħabbira tal-Evanġelju lil dawk kollha li jgħammru fit-territorju tiegħu. L-Isqof għandu d-dmir li jħares id-dritt ta’ kull bniedem, li jiltaqa’ ma’ Ġesù fil-Kelma tal-Iskrittura. Ukoll għandu d-dmir li jfisser u jispjega l-Kelma f’għaqda sħiħa mal-Papa u mal-Isqfijiet l-oħra kollha fil-Knisja. Il-Kelma ta’ Alla flimkien mal-Katekiżmu tal-Knisja huma l-verità li kull bniedem jixtieq jagħraf biex isir dejjem aktar ħieles.

It-Tqarbin fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa huwa l-quċċata tas-sejħa li għandu l-Isqof, ir-Ragħaj, li jwassal il-merħla lejn mergħat kollhom ħdura. L-ikla bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù hija l-qofol tal-missjoni tal-Isqof u tas-saċerdoti magħqudin miegħu, fi kliem ieħor l-iskop tal-eżistenza u tal-ħidma tal-Knisja kollha huwa orjentat biex kulħadd ikollu l-okkażjoni li jiltaqa’ tassew mal-persuna ta’ Ġesù li hi l-milja ta’ kull xewqa u ta’ kull għatx li jista’ jġarrab il-bniedem.

Jekk l-Ewkaristija hija l-ikla tal-familja ta’ Alla, dan ifisser li l-Isqof huwa msejjaħ biex fuq kollox iħares il-komunjoni fil-komunità li temmen. Huwa dmir importanti tal-Isqof li jkun animatur tal-komunjoni l-ewwel u qabel kollox fil-komunità tal-presbiteri li huma msejħa li jgħixu f ’għaqda sħiħa miegħu u bejniethom. L-Isqof hu wkoll il-ħarries tal-komunità ta’ dawk kollha li jemmnu, u jaħdem u jistinka biex ilkoll ikunu merħla waħda mmexxija minn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content