L-EWKARISTIJA HIJA L-ĦAJJA TAGĦNA
+ Sandro Overend Rigillo OFM
Isqof ta’ Benghazi, il-Libja
Il-mument profond u nobbli li qegħdin ngħixu llum huwa frott tar-rakkomandazzjoni li Ġesù ħallielna fl-Aħħar Ikla tiegħu mal-Appostli: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.» Dak li qal Ġesù huwa kliem li jinfed il-qalb ta’ min jemmen u li jgħaqqad l-istorja kollha tal-umanità, li minn kundanna għall-mewt minħabba d-dnub tal-qedem, issa, f’din ikla aħna ngħixu l-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu l-Iben t’Alla l-ħaj u Feddej tagħna u għalhekk, qed ngħixu fil-verità l-Qawmien tagħna wkoll, għax mifdija u maħfura minn Alla. Il-Liturġija tagħmel dan il-miraklu tal-Ewkaristija jseħħ fil-verità.
Fl-Imperu Ruman, jiġifieri meta l-Knisja kienet għadha fil-bidu tagħha, l-Ewkaristija jew il-Qsim tal-Ħobż, ġiet imsejħa minn Plinju ż-Żgħir li kien kittieb, Magistrat u Uffiċċjal fl-Imperu Ruman, bħala l-Ikel Innoċenti li kienu jaqsmu bejniethom l-Insara fil-laqgħat tagħhom. Hekk kitiblu lill-Imperatur Trajjanu waqt li kien qed jitlob mingħandu pariri dwar kif se jittratta mal-Insara. Kważi fl-istess żmien, Sant’Injazju ta’ Antjokja jistqarr ċar fl-ittri li hu kiteb waqt li kien sejjer għall-martirju, li l-Ewkaristija hija l-mediċina tal-immortalità u li hija l-Ġisem u-Demm tal-Iben ta’ Alla, Feddej tal-Bniedem. Il-Kardinal Raniero Cantalamessa jistqarr bla tlaqliq li l-Ewkaristija tippromwovi fiċ-ċert il-Paċi, għax Kristu nnifsu rebaħ il-vjolenza u fuq dan il-ħsieb insibu lil Santu Wistin jgħidilna fi tliet kelmiet: “Kristu rebbieħ għax Vittma.”
Il-Knisja tistedinna niefqu ftit quddiem il-konsagrazzjoni waqt li qegħdin nieħdu sehem fil-Quddiesa biex nikkontemplaw dak li d-dinja ma tifhimx. Tħeġġina naduraw l-Ewkaristija Mqaddsa li hi s-Sagrament tal-preżenza reali u sostanzjali ta’ Ġesù Kristu li għall-kliem tas-saċerdot il-Ħobż jinbidel fil-Ġisem ta’ Kristu u l-inbid jinbidel fid-Demm Imqaddes ta’ Kristu. Huwa l-ġisem imsawwat, ittradut u umiljat ta’ min vera jħobbna mingħajr kundizzjonijiet u d-demm imxerred vjolentament għalina u għall-bnedmin kollha għall-maħfra tad-dnubiet u għas-salvazzjoni tagħna.
Quddiem id-dinja maqsuma u vjolenti mingħajr rażan, l-Ewkaristija hija s-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu, tal-Għaqda, tal-Paċi u tar-Rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla. Kristu s-Salvatur tagħna ħassar l-azzjoni midinba tal-bniedem – li ġabet fuqu l-mewt – u bil-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu għall-ħajja sirna ħolqien ġdid u għalhekk nistgħu nistqarru li l-Ewkaristija hija l-ħajja tagħna u li tbiddilna f’dixxipli ta’ Ġesù fil-verità.