L-1 Ħadd tar-Randan - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (2:7-9; 3:1-7)
Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħliqa ħajja.
U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin.
Is-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: «Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?”» U l-mara wieġbet lis-serp: «Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: “La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.”» U s-serp qal lill-mara: «Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.»
U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-salterju
■ It-Tnejn 23 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Levitiku 19:1-2.11-18; Salm 18:8-10.15; Mattew 25:31-46.
■ It-Tlieta 24 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Isaija 55:10-11; Salm 33:4-7.16-19; Mark 6:7-15.
■ L-Erbgħa 25 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Ġona 3:1-10; Salm 50:3-4.12-13.18-19; Luqa 11:29-32.
■ Il-Ħamis 26 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Ester 4:12.14-16.23-25; Salm 137:1-3.7-8: Mattew 7:7-12.
■ Il-Ġimgħa 27 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Eżekjel 18:21-28; Salm 129:1-8; Mattew 5:20-26.
■ Is-Sibt 28 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Dewteronomju 26:16-19; Salm 118:1-2.4-5.7-8; Mattew 5:43-48.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.