L-1 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tar-Randan - Sena A
IT-TENTAZZJONIJIET

Meta naqraw il-Vanġelu ta’ San Mattew (anki ta’ San Mark u ta’ San Luqa) insibu dan l-episodju fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù: Ġesù jmur fid-deżert u hemmhekk wara erbgħin jum ikun imġarrab mix-xitan.

Għaliex it-tentazzjoni? Għaliex id-dnub?

Kif jgħidilna tant tajjeb San Pawl, fl-Ittra tiegħu lir-Rumani, l-ewwel Adam dineb, u t-tieni Adam ħelisna mid-dnub. Jgħidilna: “Għax bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub u permezz tad-dnub ilmewt... għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed saltnet il-mewt permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustifikazzjoni għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed, li hu Ġesù Kristu” (Rum 5:12.16-17).” Kif bi bniedem wieħed il-kotra dinbu, hekk bi bniedem wieħed il-kotra salvaw. Aħna nsalvaw permezz ta’ Kristu, il-Bniedem-Alla. It-tentazzjoniet li kellu Kristu huma tentazzjonijiet li jkollna aħna. Hu, kif jgħidilna wkoll San Pawl, kien bħalna f’kollox minbarra d-dnub. Imma permezz ta’ dan l-episodju rrakkuntat fil-Vanġeli, Alla jrid jurina kif aħna fit-tentazzjoni għandna nġibu ruħna. Il-qofol kollu qiegħed mhux f’jekk taqax jew le għat-tentazzjoni! Il-qofol ta’ kollox huwa kemm inti f’kull ħin tal-ħajja tiegħek, iżżomm lil Alla l-Imbierek quddiem għajnejk u li ħajtek hija mmexxija minnu. Jiġrilna li fil-ħajja tagħna aħna nkunu aljenati wisq, bil-ħafna affarijiet li għandna fil-ħajja tagħna. U dan hu l-iżball tagħna: bħallikieku aħna sa nibqgħu fid-dinja għal dejjem!

L-importanti f’kull ċirkustanza ta’ ħajjitna huwa l-affidament, it-telqien f’idejn Alla. Dawk kollha li jintelqu f’Alla, ma jaqgħux fit-tentazzjoni! Kristu, ma qagħadx jiddiskuti max-xitan, ma qagħadx jitliegħeb bil-ħsieb tiegħu ma’ dak li kien qiegħed ifesfisslu l-qarrieq; Kristu mill-ewwel wera fejn hija t-tarka tiegħu: Alla. “Mhux bil-ħobż biss... imma bil-Kelma ta’ Alla”; “Lil Alla biss għandek tadura u lilu biss taqdi.”

Alla għandu jkun il-ħin kollu l-qalba tal-ħajja tiegħi, ta’ dak kollu li nagħmel. Alla huwa kollox għalija, anki fil-ħin tat-tentazzjoni, kienet x’kienet it-tentazzjoni. Alla l-ewwel u qabel kollox: żomm lil Alla quddiem għajnejk, dejjem, u mhux biss tegħleb it-tentazzjoni tal-qarrieq, tax-xitan, imma wkoll ma tidneb qatt! Tkun meħlus minn dak li minnu ġie jsalvak Kristu l-Feddej, għax tkun ħallejt lil Alla jmexxilek ħajtek.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content