L-1 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tar-Randan - Sena A
NITILQU... BIEX INSIBU LILNA NFUSNA

Bħal Ġesù, aħna mistednin ngħaddu żmien fid-deżert fi blietna, nagħtu ftit spazju lilna nfusna biex inħejju ruħna għall-Għid, nagħtu ftit attenzjoni biex naraw fiex inhi s-saħħa spiritwali tagħna.

Ġesù jibda l-ħidma pubblika tiegħu… billi jaħrab mill-kotra. Iwarrab fid-deżert biex jitlob, biex joqgħod mal-Missier, biex isum. Bħal Israel fid-deżert tas-Sinaj, Alla li daħal f’solidarjetà mal-bnedmin ried jaqsam it-tbatija ma’ dawk li ma jistgħux jieħdu r-ruħ. Kultant irid ikollna l-kuraġġ li nitilqu, biex insibu lilna nfusna. Iżda wkoll, Ġesù jrid jara x’tip ta’ Messija sa jkun, kif sa jfassal il-ministeru tiegħu. Mattew, li tiegħu dis-sena qed naqraw ir-rakkont, iwessa’ r-rakkont qasir ta’ Marku u jgħidilna bid-dettalji x’kienu t-tliet tentazjonijiet li Ġesù kellu jħabbat wiċċu magħhom. Bħalma kien isir fid-disputi fost ir-rabbini, lil Ġesù wkoll narawh jiddisputa max-xitan. Il-Mulej jafha l-Kelma ta’ Alla. Hekk ukoll ix-xitan. Aħna, min-naħa tagħna, lanqas tiġrib ma jkollna għax nafu nweġġgħu lilna nfusna waħedna, bla ma nagħtu kas tal-Kelma li ssalvana. It-tiġrib qiegħed għall-qaddisin, mhux għalina, dixxipli ta’ nofs kedda. Ġesù għandu quddiemu tliet tipi ta’ messjaniżmu: wieħed storiku, marbut mal-miġja mill-ġdid tas-saltna ta’ David. Is-Saltna tal-ħobż, tal-politika, tat-teokrazija; ieħor marbut mal-mirakli, ma’ dak li hu tal-għaġeb, ma’ ġrajjiet impossibbli; u ieħor marbut mal-kompromess mal-poter, kif għarfu jagħmlu l-qassisin ta’ Ġerusalemm mar-Rumani, li kienu reġgħu dehru fix-xena wara mijiet ta’ snin bis-saħħa tat-tempju mibni mill-ġdid. Ġesù ma ried ebda wieħed minn dawn.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content