L-1 Ħadd tar-Randan A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tar-Randan - Sena A

NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NAGĦMLUHA!

Il-liturġija f ’dan iż-żmien privileġġjat tar-Randan toffri lill-Insara opportunità mill-isbaħ biex jagħmlu mixja aktar serja fil-fidi u jikbru iżjed fl-għarfien tagħhom infushom u ta’ Alla l-Imbierek. Din il-mixja hija mfissra tajjeb ħafna u b’reqqa kbira fis-siltiet tal-quddiesa li l-Knisja tiċċelebra ta’ kuljum, iżda b’mod partikulari f ’dik tal-Ħdud. Li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla huwa tajjeb, iżda kultant mhux biżżejjed, għaliex Sidna Ġesù ma jridx li aħna nkunu biss dawk li jisimgħu l-Kelma, imma fuq kollox dawk li ‘jagħmlu’ l-Kelma, jiġifieri, dawk li jagħtu biżżejjed spazju lill-Kelma biex tikber fihom u jkunu umli biżżejjed biex iħalluha tibdilhom f ’dak li Alla jrid minnhom. Il-mejda mħejjija u lesta, jonqos biss li aħna nersqu u ntawlu dirgħajna biex nieħdu u nieklu minn din il-Grazzja bla qjies li l-Knisja toffrilna kuljum. Irridu nisimgħu b’attenzjoni kbira u għożża, u naħtfu dik il-Kelma li tkellem lil qalbna, biex hekk, nistejqru u niksbu l-Ħajja f ’Alla.

L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva sfaw imqarrqa mill-ħażin, għaliex dan wegħedhom li jekk jieklu mis-siġra għajnejhom jinfetħu u jsiru kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u jsiru wkoll bħal Alla. Jidher ċar li din kienet l-ewwel u l-akbar tentazzjoni tal-bniedem: li jsir bħal Alla. Forsi għaliex il-bniedem ħafna drabi huwa mmexxi mir-regħba, u qatt mhu kuntent b’dak li Alla tah. Ma kienx biżżejjed għall-bniedem li jitkellem ma’ Alla u jippassiġġa fil-ġnien ma’ min ħalqu, imma ried iżjed: ried ikun bħalu u daqsu. Adam u Eva tawlu dirgħajhom biex jieklu minn dak li mhux tagħhom, sa ma nfetħu għajnejhom, iżda fehmu wkoll li ma fehmu xejn, għaliex kulma raw kienet biss iddelużjoni li hekk kif kisru l-Kelma ta’ Alla, huma tbiegħdu minnu. Dan huwa eżempju ċar ta’ min jisma’ l-Kelma biss u ma jagħmilhiex. Huma aħna, meta nafdaw aktar fina nfusna, jew f ’ħaddieħor u ma nafdawx f ’dak kollu li jgħidilna Alla l-Imbierek.

Dan kien id-dnub li wassal l-umanità għall-kundanna, iżda Alla, tana wkoll id-don tal-fidwa u l-ġustifikazzjoni permezz ta’ Ibnu l-għażiż. Fil-Evanġelju ta’ San Mattew, naraw eżempju mill-aktar ċar. Ġesù, li kien imġarrab mill-ħażin, jurina tajjeb ħafna, kif għandna nirbħu dawn il-ħsibijiet u t-tentazzjonijiet. Hu li żgur kellu għarfien perfett ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, jibqa’ sħiħ. Għal tliet darbiet, Ġesù juża l-frażi, “Hemm miktub”, dan jurina, li hu mhux biss kien jaf sewwa l-Iskrittura, imma kien jaf iħaddimha, kien jagħmilha. Kienet għalih ir-riga li biha jqis dak kollu li jiltaqa’ miegħu fil-ħajja tiegħu.

Din hija lezzjoni mill-isbaħ li minna llum nistgħu niksbu ħafna ġid, li nkejlu ħajjitna u ċ-ċirkustanzi li niltaqgħu magħhom mhux b’dak li jgħidilna moħħna, imma b’kull Kelma li toħroġ minn fomm Alla, biex b’hekk ngħixu u lilu biss naduraw u naqdu għal dejjem.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content