L-1 Ħadd tar-Randan A
LILL-MULEJ ALLA TIEGĦEK GĦANDEK BISS TAQDI
Kull sena l-ewwel Ħadd tar-Randan iqegħdilna quddiem għajnejna r-rakkont tat-tiġrib li Ġesù għadda minnu qabel ma beda l-ħajja pubblika tiegħu. Dis-sena dan iwassalhulna San Mattew. L-Evanġelista jgħidilna li “l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu.” Dan jurina li Ġesù huwa veru bniedem u bħal kull bniedem kellu t-tiġrib bħalma jkollu kull wieħed u waħda minna. Ninnutaw li qabel beda jxandar il-Bxara t-Tajba, Ġesù ried jgħaddi erbgħin jum ta’ rtir fit-talb u s-sawm. Dawn l-erbgħin jum fid-deżert ta’ Ġesù jfakkruna li qabel ma daħal fl-Art Imwiegħda, il-poplu ta’ Alla kellu jgħaddi erbgħin sena fid-deżert fejn hu wkoll kien imġarrab. Dawn ifakkruna wkoll li aħna wkoll f’din id-dinja ninsabu nterrqu fid-deżert, qabel naslu fid-dar tagħna tas-sema, u f’dan id-deżert tagħna ninsabu mdawrin minn kullimkien bit-tiġrib. It-tiġrib ta’ Ġesù jidher fi tliet episodji qosra, kif smajniehom fis-silta tal-Vanġelu, iżda dawn it-tliet tentazzjonijiet fis-sewwa huma tentazzjoni waħda. Qabel ma joħroġ quddiem in-nies u juri ruħu bħala l-Messija, Ġesù kellu jagħmel għażla: x’tip ta’ Messija kellu jkun? Bħalma trid id-dinja jew bħalma jrid Alla l-Missier, li bagħtu fid-dinja? L-għażla ta’ Ġesù kienet ċara: kellu jkun Messija sofferenti, li jsalvana bil-mewt tiegħu fuq is-salib, għax hekk riedu jkun il-Missier.