It-3 Ħadd tal-Għid - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2:14.22-33)
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: «Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’sa ngħidilkom jien. Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena.
Imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, “Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. Għalhekk ferħet qalbi u mtela bl-hena lsieni; u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. Inti għarraftni t-triq tal-ħajja, timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek.”
Ħuti, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sa llum stess. Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu. David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal: “La kien mitluq fl-imwiet, u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.”
Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda. Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu.»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tielet ġimgħa tas-salterju
■ It-Tnejn 20 ta’ April: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 6:8-15; Salm 118:23-24.26-27.29-30; Ġwanni 6:22-29.
■ It-Tlieta 21 ta’ April: Ferja tal-Għid / Sant’Anselmu, isqof u duttur tal-Knisja (T). Qari: Atti 7:51-8:1; Salm 30:3-4.6.7.8.17; Ġwanni 6:30-35.
■ L-Erbgħa 22 ta’ April: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 8:1b-8; Salm 65:1-3a.4-7; Ġwanni 6:35-40.
■ Il-Ħamis 23 ta’ April: Arċidjoċesi ta’ Malta Ferja tal-Għid / San Ġorġ, martri (T) / San Adalbertu, isqof u martri (T) / Djoċesi ta’ Għawdex San Ġorġ, martri (TO). Qari: Atti 8:26-40; Salm 65:8-9.16-17.20; Ġwanni 6:44-51.
■ Il-Ġimgħa 24 ta’ April: Ferja tal-Għid / San Fidel minn Sigmaringen, presbiteru u martri (T). Qari: Atti 9:1-20; Salm 116:1.2; Ġwanni 6:52-59.
■ Is-Sibt 25 ta’ April: San Mark, evanġelista (F). Qari: 1 Pietru 5:5b-14; Salm 88:2-3.6-7.16-17; Mark 16:15-20.
F = Festa; TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.