It-3 Ħadd tal-Għid A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Għid - Sena A
IL-LAQGĦA MAL-IMGĦALLEM

Il-paġna tal-Vanġelu tal-lum hija paġna ta’ importanza tassew kbira. Mhux biss għax hija l-Kelma ta’ Alla, imma għaliex tikkonċentra fuq il-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu, li hi l-għaqda tad-dixxipli tal-Mulej. Ma rridx nieħu ħafna spazju bil-ħsieb tiegħi, iżda nixtieq li kull wieħed u waħda minna jaqra u jerġa’ jaqra din is-silta sabiħa.

Il-mixja tal-ħajja... fost it-taqlib tad-dinja ta’ madwarna, inċertezzi, dubji, qtigħ il-qalb, għeja, nuqqas ta’ ħila... hija t-triq li nimxu kuljum, bħal Kleofa u d-dixxiplu l-ieħor. U f ’din it-triq tal-ħajja, id-dixxipli (jew min jixtieq ikun dixxiplu) jiltaqgħu mal-Imgħallem. U ħafna drabi jiġrilna li ma nagħrfuhx! L-ewwel darba li jiġri li l-Mulej ikun preżenti f ’ħajtek u inti ma tindunax, taħseb li wettaqt xi opra bil-ħila tiegħek? Imma fis-sewwa jkun il-Mulej li jaħdem f ’ħajtek?

U biex ikollok sostenn fil-ħajja, għandek bżonn il-Kelma ta’ Alla: li tisma’ l-Kelma, li tixtarr il-Kelma, li tgħożż il-Kelma! Id-dixxipli ta’ Għemmaws kienu jafuha l-Kelma u meta semgħuha minn fomm dak il-barrani (għax ma kinux għarfuh!) qalbhom tqanqlet, sewwasew għax kienet il-Kelma ta’ Alla! U Alla għad-dixxipli kien jagħmel differenza, tant li minħabba dak li ġara lil Ġesù kienu mnikkta, imkissra u bla saħħa.

Imbagħad jilħqu l-qofol tal-għarfien ta’ Kristu – fil-Qsim tal-Ħobż: l-Ewkaristija Mqaddsa. Għalhekk il-Knisja dejjem tgħallimna li l-Ewkaristija hija l-qalba tal-Knisja, hija l-qalb ta’ kull min jemmen fi Kristu! Mingħajr l-Ewkaristija ma nistgħux nieħdu l-ħajja! Mingħajr l-Ewkaristija, aħna nibqgħu ngħixu fid-dlam, fid-diffikultà, fil-miżerja! Ħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna: nies ma jafux x’jaqbdu jagħmlu bihom infushom! Nies li ħsiebhom biss kif ser jaħkmu fuq l-oħrajn! Nies li ħajjithom hija kobba ta’ tgħawwiġ u tkissir, jgħixu bil-qerq u l-ingann, ma għandhomx paċi f ’qalbhom!

Dan kollu, għax ma għandhomx lil Kristu, għax ma għandhomx l-Ewkaristija li tagħtihom il-Paċi, l-Hena, il-Ferħ, is-Serħan...

Erġa’ aqra s-silta tal-Vanġelu, u ħalli l-Kliem tal-Mulej jinżel f ’qalbek...
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content