It-3 Ħadd tal-Għid A
GĦARFUH FIL-QSIM TAL-ĦOBŻ
Jolqotna mill-ewwel is-sentiment negattiv taż-żewġ dixxipli fi triqithom lejn Għemmaws minn Ġerusalemm. Tant kien negattiv dak is-sentiment, li fuqhom jinħass it-toqol tal-għeja. Mhux biss, imma l-Evanġelista jurina li kienu tilfu l-fidi kollha, jekk qatt kellhom, f’Ġesù li kien profeta... kien, imma issa qed jgħidu li b’dak li ġara għarfu li ma kien xejn. Mhux biss, imma kien hemm ħaġa oħra li ħasdithom bil-kbir: “Marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Tant kienu maħsudin u mnikktin, li lil Ġesù miexi magħhom ma għarfuhx. F’dan ma nagħtihomx tort: m’aħniex imdorrijin naraw nies, li nafu li mietu, mexjin maġenbna fit-triq. Fir-rakkont jingħad li Ġesù, huma u mexjin, fissrilhom “kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.” Imbagħad daħal magħhom, kiel magħhom... u għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Hawn għandna l-mudell tal-liturġija tal-quddiesa: it-tifsir tal-Iskrittura u l-Ewkaristija. Imma lil Ġesù d-dixxipli għarfuh fl-Ewkaristija – il-karatteristika tiegħu li saret tagħhom. U kif għarfuh, l-għeja taret, “qamu u reġgħu lura Ġerusalemm.” U hemm sabu lill-Ħdax u għarrfu lil xulxin li Ġesù qam mill-mewt.