It-3 Ħadd tal-Għid - Sena A
NISIMGĦU L-KELMA TA' ALLA... U NEMMNUHA!
Id-dixxipli ta’ Għemmaws huma tnejn min-nies, li minnhom nistgħu nitgħallmu ħafna kif ngħixu l-fidi tagħna fi Kristu Ġesù. Huma tnejn min-nies, li għalkemm jafu x’ġara u minn xiex għadda Ġesù, u semgħu b’widnejhom li hu kien qam mill-mewt, ma emmnux. Ma emmnux għaliex, kif jgħidilhom Ġesù, kienu tqal biex jemmnu, kienu boloh. Interessanti l-fatt li dawn it-tnejn telqu mill-komunità u marru lejn darhom. Kieku baqgħu fil-komunità, forsi, min jaf, kienu jiksbu dan l-għarfien li ma kellhomx dwar il-messaġġ tal-Iskrittura, biex mhux biss ikunu jafu x’ġara imma fuq kollox jemmnu f ’dik l-aħbar daqstant sabiħa u importanti. Minn hawnhekk għandna nifmhu li mhux biżżejjed inkunu nafu, imma fuq kollox irridu nagħrfu. Dan l-għarfien, bla sforzi ta’ xejn, nistgħu nsibuh fil-komunità tal-aħwa, kif rajna l-Ħadd li għadda. Nistgħu nqabblu lil dawn it-tnejn ma’ San Tumas, għaliex bħalu, dawn ma rawhx, imma semgħu li qam mill-mewt iżda ma emmnux.
B’kuxjenza hienja, nistgħu tabilħaqq ngħidu li bosta drabi fil-ħajja tagħna, aħna ngħixu b’dan il-mod u f ’din l-aljenazzjoni. Nafu kollox imma tqal biex nemmnu għaliex naħsbu li kapaċi nagħrfu u nifhmu l-misteri kollha li hemm fil-fidi tagħna. Hawnhekk naraw li l-ħsieb jista’ jqarraq bina bil-kbir. Iżda l-qalb le, għaliex din hija ħaġa oħra, u taħdem fuq prinċipji differenti. Imnalla dawn id-dixxipli ħennu għal Ġesù u stednuh jibqa’ magħhom, għaliex b’hekk biss setgħu jistednuh jidħol għandhom. Bla ma kienu jafu, semgħu minn qalbhom, u b’hekk bla ma kienu jafu, laqgħu lil Ġesù f’darhom u f ’qalbhom.
Dan kien il-pass li wassalhom biex jaraw b’għajnejhom stess is-salvazzjoni u lil Ġesù mqajjem mill-imwiet, għaliex il-qalb umli u mħeġġa bil-Kelma ta’ Alla tara ħafna aktar ’il bogħod u tifhem ħafna aktar misteri milli jifhem il-moħħ. Waqt il-qsim tal-ħobż, ftakru kollox u għajnejhom infetħulhom. Sabiħa wisq ir-riflessjoni li d-dixxipli għamlu bejnithom: “Ma kinitx imħeġġa qalbna waqt li kien qiegħed ikellimna!” Hawnhekk, forsi, nistgħu nifhmu aħjar kif taħdem il-qawwa tal-Kelma u tal-presenża ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ min jimxi warajh. Alla l-Imbierek iħeġġeġ il-qalb ta’ min jaċċetah fil-ħajja tiegħu, u dan in-nar għandu l-ħila jirbaħ kull dubju u nuqqas ta’ fidi. Dan in-nar jerġa’ jgħati l-ħajja u l-ħeġġa għax-xandir tal-Kelma. Id-dixxipli wara din il-bidla radikali, b’mod l-aktar naturali, marru lura Ġerusalemm għand l-aħwa biex flimkien magħhom ixandru l-kobor tal-grazzja ta’ Alla u jgħixu bih u għalih. U aħna, x’aħna nagħmlu? Qalbna kemm hi mħeġġa bil-kelma ta’ Alla u bl-imħabba għall-aħwa?