It-3 Ħadd tal-Għid - Sena A
IL-FALLIMENT TAT-TAMA
Jafu li Ġesù qam: hekk qalulhom xi dixxipli. Iżda dawn inzertaw kienu nisa, li fl-emozzjonijiet tagħhom mhumiex fermi, malajr jemmnu u jibilgħu kollox. U l-aħbar wettquha xi Appostli. Iżda dawn tant kienu mdaħħlin f’dik il-ġrajja, li aktar jaraw kollox kbir.
Ġesù Irxoxt jersaq lejhom. Lanqas biss jintebħu, kif jistgħu? Ma jerfgħux ħarsithom lil hinn minnhom infushom biex jaħbtu ma’ ħarset il-Mulej. Tant huma mimlijin bin-niket qaddis tagħhom li ma jintebħux li r-raġuni tat-tbatija ma għadhiex teżisti! Ma għandhomx ħila joħorġu mill-qafas li ħolqu huma stess. Ma jidhrux biżżejjed li huma mnikktin? Ma għandhomx l-uċuħ iddisprati biżżejjed? B’liema jedd dan il-barrani jiġi u jwaqqaf il-biki tagħhom? In-niket iqawwina, jagħtina identità, jgħarrafna. Kultant, b’xorti ħażina, f’mixja perikuluża u miġnuna, nispiċċaw billi nsawru din l-identità. Nispiċċaw nikkultivaw in-niket. Id-dixxipli ħassewhom offiżi, sfaw iltiema. X’ġara? Jistaqsi l-Irxoxt. U huma kellmuh fuq is-salib, u Ġesù lanqas biss jiftakar. U lissnu l-aktar frażi kerha tal-Vanġelu kollu. Aħna konna nittamaw. It-tama tħares dejjem lejn il-ġejjieni. Jekk indawruha lejn l-imgħoddi dan ikun ifisser li ddikjarajna falliment sħiħ. Il-falliment tat-tama jwassal għall-mewt ġewwiena.