It-2 Ħadd tar-Randan - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-2 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (15:5-12.17-18)

F’dak iż-żmien: Il-Mulej ħareġ lil Abram ’il barra u qallu: «Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom.» U żied jgħidlu: «Hekk għad ikun nislek.» U Abram emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.
 U qallu: «Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt.» U qallu Abram: «Sidi Mulej, kif inkun naf li sa niritha?» U wieġbu: «Ħudli għoġla ta’ tliet snin, mogħża ta’ tliet snin, muntun ta’ tliet snin, gamiema u ħamiema.»
    U ħadlu dawn kollha, u qasamhom min-nofs, u kull nofs qiegħdu biswit l-ieħor; imma l-għasafar ma qasamhomx. U niżlu l-għasafar tal-priża għal fuq l-iġsma mejtin, imma Abram gerrixhom.
Hi u nieżla x-xemx waqa’ fuq Abram ngħas qawwi, u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira.
Meta x-xemx kienet niżlet u kien dalam, kenur idaħħan u lsien nar iżiġġ qasmu minn bejn il-bċejjeċ tal-laħam. Dakinhar il-Mulej għamel patt ma’ Abram u qallu: «Lil nislek nagħti din l-art, mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat.»
Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 26)
Rit: Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi!

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? Rit...

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
«Ejja» għidt f’qalbi, «fittex ’il wiċċu!»
Jien wiċċek infittex, Mulej. Rit...

La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi,
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Rit...

Nemmen li għad nara
t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej,
żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej Rit...


IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin (3:17-4:1)

Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina. Għaliex hawn ħafna – dan għidthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja – li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja.
Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu.
Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.
Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Glorja u tifħir lilek, Kristu! (ara   Mk 9:7)
Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’: «Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu!»
Glorja u tifħir lilek, Kristu!


L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (9:28b-36)

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.
Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu.
Xħin dawn it-tnejn kienu sa jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: «Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.» Ma kienx jaf x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: «Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!»
Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.
Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari

- AUDIO -
- VIDEO -
ITTRASFIGURATI MIEGĦU
Parroċċa Burmarrad (Patri Christian A. Borg)

- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tieni ġimgħa tas-salterju
It-Tnejn 14 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Danjel 9:4-10; Salm 78:8-9.11.13; Luqa 6:36-38.
It-Tlieta 15 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Isaija 1:10.16-20; Salm 49:8-9.16-17.21.23; Mattew 23:1-12.
L-Erbgħa 16 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Ġeremija 18:18-20; Salm 30:5-6.14-16; Mattew 20:17-28.
Il-Ħamis 17 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan / San Patrizju, Isqof (TL). Qari: Ġeremija 17:5-10; Salm 1:1-6; Luqa 16:19-31.
Il-Ġimgħa 18 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan / San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, Isqof u Duttur tal-Knisja (TL). Qari: Ġenesi 37:3-4.12-13.17-28; Salm 104:16-21; Mattew 21:33-43.45-46.
Is-Sibt 19 ta’ Marzu: San Ġużepp, Għarus tal-Verġni Mqaddsa Marija (S). Qari: 2 Samwel 7:4-5.12-14.16; Salm 88:2-5.27.29; Rumani 4:13.16-18.22; Mattew 1:16.18-21.24 jew Luqa 2:41-51.

S = Solennità; TL = Tifkira limitata.
Il-kulur tad-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content