It-2 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
DAWL FID-DLAM
It-Tieni Ħadd tar-Randan jippreżentalna l-ġrajja misterjuża tat-Trasfigurazzjoni. Ġesù ħa miegħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tellagħhom miegħu fuq muntanja, u hemmhekk ippermettielhom jaraw xi ħaġa inkredibbli. Tbiddel quddiemhom waqt li kien qed jitlob: wiċċu u ħwejġu ħadu bixra ta’ bjuda u sbuħija li tgħammex. Dehru wkoll Mosè u Elija jitħaddtu miegħu dwar it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f ’Ġerusalemm.
Quddiem din il-ġrajja jqumu bosta mistoqsijiet: X’inhi t-tifsira ta’ din l-esperjenza? Għaliex Ġesù ta lil sħabu din id-dehra tal-glorja tiegħu? Nistgħu nistaqsu wkoll: għaliex il-Knisja toffrilna din il-ġrajja tul il-mixja tar-Randan?
Jien naħseb li Ġesù xtaq isaħħaħ il-fidi tad-dixxipli quddiem l-esperjenza tas-salib li bil-mod il-mod kienet qed toqrob għalih (u xi darba għalihom ukoll). X’kienu sa jaħsbu ħbiebu meta jarawh minxur fuq is-salib, donnu l-akbar tellief, jew l-agħar kriminal? U għalhekk Ġesù ried li meta jarawh miksi bid-demm, bil-ġrieħi u bil-bżieq tal-għedewwa tiegħu, jiftakru li rawh ukoll imlibbes b’dija tgħammex u bil-glorja tal-Ġenna. Meta jarawh imlibbes b’kuruna tax-xewk jiftakru li xi darba wiċċu idda qisu x-xemx. Meta jarawh imsallab bejn żewġ ħallelin, jiftakru wkoll li darba rawh ma’ Mosè u Elija, bħala l-Mulej u l-Kap tagħhom.
Dawn ir-raġunijiet japplikaw ukoll għalina: il-liturġija toffrilna din il-ġrajja fil-mixja tar-Randan biex aħna wkoll ikollna ċara quddiem għajnejna d-direzzjoni ’l fejn aħna mexjin: anzi, għand min sejrin. Għax tassew li r-Randan jinvolvi element ta’ penitenza, konverżjoni u riflessjoni dwar il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Imma dawn kollha għandhom skop aħħari ta’ ferħ u glorja: il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt u Rebbieħ fl-Għid il-Kbir.
Din hija wkoll l-istedina li jagħmlilna Alla l-Missier. Ikompli jgħidilna San Luqa li lejn tmiem id-dehra, niżlet sħaba li għattiet lit-tliet dixxipli, u minnha nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” Il-Missier jikkmandana nfasslu ħajjitna fuq il-mudell u t-tagħlim tal-Iben tiegħu.
Jekk tassew nisimgħu din il-kelma u nippruvaw ngħixuha, aħna wkoll ngħixu l-esperjenza tat-Trasfigurazzjoni. Saħansitra fil-ħajja ordinarja tagħna (spiss immarkata mittbatija), nistgħu niltaqgħu mal-Mulej Ġesù li jissorprendina u jfakkarna li fit-tmiem ta’ kollox, is-setgħa u l-glorja huma tiegħu. Fl-aħħar millaħħar, kollox jinsab f’idejh.