Għid il-Ħamsin - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2:1-11)
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: «Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-Salterju
Żmien ta’ Matul is-Sena – Lezzjonarju Ferjali I/1
■ It-Tnejn 29 ta’ Mejju: Marija Omm u Xbieha tal-Knisja (TO). Qari: Ġenesi 3:9-15.20 jew Atti 1:12-14; Salm 86:1-2.3 u 5.6-7; Ġwanni 19:25-34.
■ It-Tlieta 30 ta’ Mejju: Ferja. Qari: Sirak 35:1-15; Salm 49:5-6.7-8.14 u 23; Mark 10:28-31.
■ L-Erbgħa 31 ta’ Mejju: Iż-Żjara tal-Imqaddsa Verġni Marija. (F). Qari: Sofonija 3:14-18a jew Rumani 12:9-16b; Salm Isaija 12:2-6; Luqa 1:39-56.
■ Il-Ħamis 1 ta’ Ġunju: San Ġustinu, martri (TO). Qari: Sirak 42:15-26; Salm 32:2-3.4-5.6-7.8-9; Mark 10:46-52.
■ Il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju: Ferja / San Marċellinu u San Pietru, martri (T). Qari: Sirak 44:1.9-13. Salm 149:1-2.3-4.5-6a u 9b; Mark 11:11-26.
■ Is-Sibt 3 ta’ Ġunju: San Karlu Lwanga u sħabu, martri (TO). Qari: Sirak 51:17-27; Salm 18:8.9.10.11; Mark 11:27-33.
F = Festa; TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.