Għid il-Ħamsin - Sena A
BENNEJJA TAS-SALTNA GĦAX IMKEBBSA BIN-NAR TAL-IMĦABBA TA’ ALLA!
Għid il-Ħamsin jew inkella Pentekoste hija s-Solennità ta’ meta l-komunità Nisranija miġbura f’isem Ġesù Kristu rċeviet l-Ispirtu s-Santu biex tkun mimlija bil-Qawwa kollha ta’ Alla l-Imbierek u tintbagħat ixxandar il-kobor tiegħu fid-dinja kollha. F’dan il-jum l-ewwel Insara, ma rċevewx biss l-ispirtu ta’ Alla imma wkoll il-mandat biex joħorġu ’l barra mill-kamra fejn kienu miġbura u jgħixu bla biża’. Mil-lum ’il quddiem naraw l-Insara jixterdu mal-art kollha u jitkellmu bl-ilsna kollha li l-popli ta’ żmienhom kienu jużaw biex jikkomunikaw bejniethom. Il-messaġġ Nisrani u l-ħajja Nisranija narawhom jieħdu l-ħajja fost popli li qatt ma semgħu bil-Bxara t-Tajba u b’hekk, flimkien mal-Ispirtu ta’ Alla, l-Insara bdew iġeddu l-wiċċ tal-art. Nistgħu ngħidu li l-Knisja f’dan il-jum għamlet l-ewwel pass tagħha fid-dinja b’konvinzjoni kbira li hija mibgħuta minn Alla l-Imbierek biex twassal l-għejjun tal-ilma tal-ħajja ta’ dejjem lil min hu lest biex jilqa’ lil Kristu fil-ħajja tiegħu. Naraw għalhekk Knisja li sa mill-bidu net tagħha kienet missjunarja u l-membri tagħha kienu lkoll kemm huma mimlija bl-Ispirtu u mkebbsin bin-nar tal-imħabba ta’ Alla. Hekk kif kienu mimlijin b’tant qawwa, Ġesù li bagħat l-għeżież tiegħu fid-dinja, saħaq li dawn għandhom jaħfru d-dnubiet u b’hekk iwasslu wkoll il-maħfra ta’ Alla lin-nies li jgħixu fid-dinja. F’dan naraw, li xogħol l-Insara fid-dinja hu mhux biss li jwasslu l-messaġġ tal-Bxara t-Tajba, imma fuq kollox li jwasslu l-maħfra ta’ Alla u l-paċi tiegħu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
Huwa dmir qaddis li aħna niċċelebraw din is-solennità b’devozzjoni kbira, iżda naħseb li għandna dmir akbar li llum nirriflettu ftit dwar ix-xhieda li aħna qegħdin nagħtu fid-dinja u fis-soċjetà ta’ madwarna. Il-preżenza tagħna qalb il-ħafna popli, qiegħda tikkomunika magħhom u twassal il-Bxara t-Tajba, il-maħfra u l-paċi, jew qed twassal l-opinjoni tagħna biss u l-firda u n-nuqqas ta’ ftehim? Qalbna hija tabilħaqq imkebbsa bin-nar tal-imħabba ta’ Alla, jew imkebbsa bl-imħabba għall-affarijiet tad-dinja li jgħaddu? Kulħadd huwa msejjaħ biex jagħmel dan l-eżami fil-kuxjenza tiegħu, u kulħadd huwa msejjaħ biex jibda jħaddem sewwa d-doni tal-Ispirtu biex tassew inkunu bennejja tas-Saltna tas-Sema fuq din l-art.