Għid il-Ħamsin - Sena A
AĦNA MSEJĦIN BIEX NGĦIXU L-IMĦABBA TA' ALLA
Aktarx li dik in-«nefħa fuqhom» fi ħsieb Ġwanni hi marbuta man-nefħa tal-Ħallieq fi mnifsejn il-bniedem fil-Ġenesi. Kristu, li ħabb sal-aħħar, jerġa’ jonfoħ il-ħajja fi mnifsejn il-bniedem. Il-Kelma li ħalqet il-bniedem hawn reġgħet qed toħloq il-bniedem mill-ġdid. Ibgħat l-Ispirtu biex iġedded wiċċ l-art u wiċċ ‘Adam’, jew, il-“bniedem tal-art”. Fil-paġna tal-Ġenesi stajna naħsbu li n-nefħa kient biss nefħa li tagħti l-ħajja. Illum nafu li hi aktar minn hekk. In-nefħa mogħtija hi l-ħajja ta’ Kristu mejjet u mqajjem għalina. Hija l-ħajja mogħtija bi prezz għoli u mingħajr ebda qjies. Hija n-Nefħa, in-nifs bla tmiem tal-imħabba tal-Missier u l-Iben, imsawwab f’qalbna biex aħna wkoll inkunu nistgħu ngħixu, mhux il-ħajja sempliċi (bìos) li għandhom il-ħafna ħlejjaq ħajjin. Le, imma wisq aktar, din hi l-ħajja vera (zoé) tal-ħajja li hi d-dinamiżmu bla tmiem tal-imħabba ta’ Alla li għandna l-privileġġ li aħna msejħin biex ngħixuha. U din il-ħajja li toħroġ mill-eternità ssir tagħna b’mod speċjali ħafna nhar Għid il-Ħamsin!