L-24 Ħadd matul is-sena - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-24 ĦADD TA’ MATUL IS-SENA B

AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-Ewwel Qari
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (50:5-9a)

Sidi l-Mulej fetaħli widinti, u jiena ma webbistx rasi, ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied: jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib. Min sa jeħodha miegħi? Ħa noqogħdu għall-ħaqq flimkien! Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja! Ara, Sidi l-Mulej jgħinni: min sa jagħtini t-tort?
Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 114)
R/. Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin!

Inħobb il-Mulej,
għax sama’ leħen it-tħannin tiegħi;
għaliex hu tani widen
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.

Il-ħbula tal-mewt dawruni,
l-irbit tal-imwiet ħakimni;
fin-niket u l-hemm sibt ruħi.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
«Mulej, nitolbok, salvani!» R/.

Ħanin il-Mulej, u ġust;
twajjeb hu Alla tagħna.
Iħares id-dgħajfa l-Mulej;
jien kont magħkus, u hu ħelisni. R/.

Għax mill-mewt ħelisli ’l ħajti,
lil għajnejja mid-dmugħ
u ’l riġlejja mit-tfixkil.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
f’art il-ħajjin. R/.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu (2:14-18)

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi?
Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: «Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu», bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun waħedha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.
Imma xi ħadd jista’ jgħid: «Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil.» Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.
Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU  (Gal 6:14)
Hallelujah. Hallelujah.
Ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
Hallelujah!


L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (8:27-35)

F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: «Min jgħidu n-nies li jien?» Weġbuh u qalulu: «Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.» Staqsiehom: «Imma intom, min tgħidu li jien?» Qabeż Pietru u qallu: «Inti l-Messija.» Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.
U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: «Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!»
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: «Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?»
Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
QASRIJA B’WERAQ TAL-PLASTIK
Fr Elija Vella OFMConv.

- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-Salterju
It-Tnejn 16 ta’ Settembru: f’Malta: San Kornelju, papa u San Ċiprijanu, isqof, martri (TO). Qari: 1 Korintin 11:17-26.33; Salm 39:7-10.17; Luqa 7:1-10;
f’Għawdex: L-Anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi (1864) (F). Qari: Isaija 63:7-9; Salm 144:1-11; Luqa 1:39-55.
It-Tlieta 17 ta’ Settembru: Ferja / San Robertu Bellarmino, isqof u duttur tal-Knisja (T) / Sant’Ildegarda ta’ Bingen, verġni u duttur tal-Knisja (T). Qari: 1 Korintin 12:12-14.27-31; Salm 100:1-3.5-6; Luqa 7:11-17.
L-Erbgħa 18 ta’ Settembru: Ferja. Qari: 1 Korintin 12:31-13.13; Salm 32:2-5.12.22; Luqa 7:31-35.
Il-Ħamis 19 ta’ Settembru: Ferja / San Ġennaru, isqof u martri (T). Qari: 1 Korintin 15:1-11; Salm 117:1-2.16-17.28; Luqa 7:36-50.
Il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru: San Andrija Kim Taegon, presbiteru, San Pawl Chong Hasang, u sħabhom, martri (TO). Qari:  1 Korintin 15:12-20; Salm 16:1.6-8.15; Luqa 8:1-3.
Is-Sibt 21 ta’ Settembru: San Mattew, appostlu u evanġelista (F). Qari: Efesin 4:1-7.11-13; Salm   18:2-5; Mattew 9:9-13.

F = Festa; TO = Tifkira Obbligatorja; T= Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content