L-24 Ħadd matul is-sena B
IL-FANTASIJI TAL-GLORJA
Pietru jagħraf l-identità ta’ Kristu. Il-problema vera tiegħu mhijiex l-istqarrija magħmula bil-moħħ. Il-problema ta’ Pietru hi li jagħraf it-tifsira tal-misteru ta’ Kristu li jasal sas-salib. Id-dubju tiegħu huwa iżjed eżistenzjali, tal-qalb u tal-għemil. Kemm nagħraf lili nnifsi fl-Appostlu tiegħek Pietru! Bħalu, ma nistax ngħid li ma nagħrfekx. Il-problema hi li nagħraf lili nnifsi fik. Jiena nagħrfek, nagħraf li int ġerraħtli qalbi u li inti l-mużika ta’ kull waqt tiegħi. Il-problema hi li nagħraf lili nnifsi fik, fil-misteru tiegħek tal-inżul u tal-umiltà, fit-trijonf tiegħek li jibda bir-rebħa fuq l-eqreb idolu u l-aktar wieħed reżistenti: il-“jien” u l-fantasiji tiegħu ta’ glorja, ’il bogħod mill-glorja li toħroġ mis-salib u mill-għotja sħiħa tiegħi nnifsi. «Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.» Agħtini, o Logos ta’ dejjem, mhux biss li nistqarrek, iżda li nistqarr ukoll il-bogħod tiegħi mil-loġika tiegħek, il-loġika tal-ħajja li tirċeviha bil-kejl li tagħtiha.