L-24 Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-24 Ħadd matul is-sena B

“MIN TGĦIDU LI JIEN?”

Dakinhar Ġesù donnu ried jagħmel survey biex jara n-nies x’kienu qed jgħidu fuqu. Biex jagħmel dan ma marx jistaqsi lin-nies iżda staqsa lid-dixxipli. Dak li jkun isibha aktar ħaġa ħafifa jgħid kif jaħsibha fuqek lil xi ħadd qrib tiegħek milli lilek stess. U t-tweġiba kienet li n-nies lil Ġesù kienu jgħodduh bi profeta... u fost il-kbar: Ġwanni l-Battista, Elija. Raw fih ukoll sinjal taż-żmien messjaniku. Ġwanni ġie biex iħejji t-triq għall-miġja tal-Messija, u Elija, skont it-tradizzjoni Lhudija, għandu jerġa’ jiġi fi tmiem iż-żminijiet biex iħejji lin-nies għall-aħħar jum. Iżda ħadd ma qal li Ġesù hu l-Messija Bin Alla. Dan qalu Pietru f’isem sħabu. Hemm differenza bejn il-fehma tan-nies li jaraw minn barra u dik tad-dixxipli li kienu jafu lil Ġesù minn ġewwa. Iżda dawn tal-aħħar kienu jafuh tabilħaqq? Pietru, u hawn ukoll għandna riflessjoni tal-fehma ta’ sħabu, “beda jlumu” kif sema’ x’tip ta’ Messija hu Ġesù: dak li jbati ħafna, ikun miċħud u jispiċċa msallab... għad li fit-tielet jum iqum. Pietru hawn (u bnadi oħra fil-Vanġelu) jagħmilha tax-xitan: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan!” Kien Satana li fit-tiġrib tad-deżert ħajjar lil Ġesù ma jaċċettax is-salib. Ħafna drabi aħna wkoll nagħmlu bħal Pietru: bil-fomm ngħidu ħaġa, bl-għemil nagħmlu oħra. Fit-teorija mod, fil-prattika mod ieħor. Iżda isimgħu x’jgħidilna Ġesù: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.”
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content