L-1 Ħadd tar-Randan - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (9:8-15)
Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: «Arawni, hawn jien sa nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka.
Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art.»
U żied jgħid Alla: «Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj.»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 19 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Levitiku 19:1-2.11-18; Salm 18:8-10.15; Mattew 25:31-46.
■ It-Tlieta 20 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Isaija 55:10-11; Salm 33:4-7.16-19; Mark 6:7-15.
■ L-Erbgħa 21 ta’ Frar: Ferja tar-Randan / San Pietru Damiani, isqof u duttur tal-Knisja (TL). Qari: Ġona 3:1-10; Salm 50:3-4.12-13.18-19; Luqa 11:29-32.
■ Il-Ħamis 22 ta’ Frar: Il-Kattedra ta’ San Pietru (F). Qari: 1 Pietru 5:1-4; Salm 22:1-6; Mattew 16:13-19.
■ Il-Ġimgħa 23 ta’ Frar: Ferja tar-Randan / San Polikarpu, isqof u martri (TL). Qari: Eżekjel 18:21-28; Salm 129:1-8; Mattew 5:20-26.
■ Is-Sibt 24 ta’ Frar: Ferja tar-Randan. Qari: Dewteronomju 26:16-19; Salm 118:1-2.4-5.7-8; Mattew 5:43-48.
F = Festa; TL = Tifkira Limitata.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.