L-1 Ħadd tar-Randan B
IT-TENTAZZJONI
«Imbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-xitan.» Kultant nitfixklu meta nsibu xi xkiel fil-mixja spiritwali tagħna. Imbagħad mhux daqshekk rari li nibdew nistaqsu qisna milqutin bil-għaġeb: imma jista’ l-Mulej jippermettih dan, la jien ninsab miexi l-mixja tal-fidi għal imħabbtu? Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd ifakkarna li l-mixja spiritwali ma ssirx fuq art bla xkilijiet. Hemm għadu li ma jogħġbux li ħajjitna tkun imdawra lejn Alla. Mhux ta’ b’xejn li Sant’Injazju jsejjaħ lix-xitan “l-għadu tan-natura umana.” Il-ħażin huwa għadu tal-ferħ tagħna, tal-wetqa tagħna. Ġesù, immexxi mill-Ispirtu fid-deżert, u fl-istess ħin, imfixkel mill-għadu, ifakkarna li t-taħbit tal-ħajja mhuwiex sinjal li Alla mhux hemm, anzi, kultant ikun bil-maqlub. Famuża l-eżortazzjoni ta’ Bin Sirak: «Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej, ħejji ruħek għat-tiġrib. Kun sinċier f’qalbek u żomm sħiħ, biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ. Ingħaqad miegħu u titilqux» (Sir 2: 1-3).