L-1 Ħadd tar-Randan B
ĠESÙ MĠARRAB FID-DEŻERT
Ftit qabel ma Ġesù beda l-ħajja pubblika, l-Ispirtu s-Santu “ħadu fid-deżert”. Hemm Ġesù għadda żmien ta’ rtir, kif jagħmel kull min irid lil Alla jmexxih qabel ma jibda jieħu deċiżjonijiet importanti. Fid-deżert dam “erbgħin jum” – il-Lhud damu erbgħin sena jterrqu fid-deżert qabel ma seħħilhom jidħlu fl-art imwiegħda. U fid-deżert Ġesù kien imġarrab, bħalma kienu l-Lhud fil-ħajja tad-deżert. Id-deżert huwa “post il-kliem” jew “it-tiġrib” (bil-Lhudi midbar). Alla jkellem u jġarrab lill-bniedem fis-skiet tad-deżert. Fl-Evanġelju jingħad li Ġesù kellu tliet tentazzjonijiet, iżda fis-sustanza t-tentazzjoni kienet waħda: “Lil min sa togħġob, lid-dinja jew lil Alla?” Id-dinja riedet messija glorjuż u qawwi. Alla riedu jkun messija sofferenti, li r-rebħa jiksibha minn fuq is-salib bil-mewt tiegħu. Alla jirraġuna bil-kontra tad-dinja. Ġesù għażel it-triq tas-salib li ħejjielu l-Missier u baqa’ fiha sal-aħħar... sa ma lissen “Kollox mitmum”.