L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (63:16b-17.19b; 64:1-7)
Int, Mulej, missierna, ismek il-Feddej tagħna minn dejjem. Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek, u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek? Erġa’ lura minħabba l-qaddejja tiegħek, it-tribujiet li huma wirtek.
Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm! U jitheżżu l-muntanji quddiemek meta int tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew, u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom! Widna qatt ma semgħet, għajn qatt ma rat Alla bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih. Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ, lil dawk li jiftakru fi triqatek. Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna. Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien. Tniġġisna lkoll kemm aħna, bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna; bħal werqa lkoll dbielna u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.
Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek, li jitħarrek biex iżomm miegħek. Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna. Madankollu, Mulej, int missierna; aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 4 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent / San Ġwann Damaxxenu, presbiteru u duttur tal-Knisja (T). Qari: Isaija 2:1-5; Salm 121:1-2.3-4a.4b-5.6-7.8-9; Mattew 8:5-11.
■ It-Tlieta 5 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent. Qari: Isaija 11:1-10; Salm 71:2.7-8.12-13.17; Luqa 10:21-24.
■ L-Erbgħa 6 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent / San Nikola, isqof (T). Qari: Isaija 25:6-10a; Salm 22:1-3a.3b-4.5.6; Mattew 15:29-37.
■ Il-Ħamis 7 ta’ Diċembru: San Ambroġ, isqof u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Isaija 26:1-6; Salm 117:1 u 8-9.19-21.25-27a; Mattew 7:21.24-27.
■ Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru: It-Tnissil bla Tebgħa tal-Imqaddsa Verġni Marija (S). Qari: Ġenesi 3:9-15.20; Salm 97:1-4; Efesin 1:3-6.11-12; Luqa 1:26-38.
■ Is-Sibt 9 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent / San Ġwann Diegu Cuauhtlatoatzin (T). Qari: Isaija 30:19-21.23-26; Salm 146:1-2.3-4.5-6; Mattew 9:35 – 10:1.6-8.
S = Solennità; TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.