L-1 Ħadd tal-Avvent B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena B
MA NAFUX META SA JIĠI SID ID-DAR
Fr Edmund Teuma

Bl-ewwel Ħadd tal-Avvent tibda sena ġdida fil-liturġija tal-Knisja. Hu żmien qawwi ta’ tħejjija għall-Mulej li ġej (mhux fil-Milied – dik l-ewwel miġja ilha li seħħet aktar minn elfejn sena ilu). Imma hu dalwaqt ġej iħabbtilna l-bieb u jgħidilna: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi” (Apk 3:20). Il-Mulej ġej iżda meta ma nafux. L-Avvent hu żmien l-istennija, mela hu wkoll żmien ta’ penitenza bħar-Randan, għad li b’xorti ħażina tilef l-aspett penitenzjali tiegħu minħabba l-ħajja mgħaġġla u konsumistika tal-lum. Il-bnedmin tal-lum moħħhom biss fid-divertiment u jieħdu kull okkażjoni biex ma jfallux divertita. Għalhekk żmien il-Milied illum sar donnu ġirja waħda lejn ġimgħa jew tnejn ta’ xalar... u dan qed jibda mill-Avvent. Tlifna kull sens ta’ stennija tal-Mulej fis-skiet u l-ġabra. Imma l-Mulej ġej tabilħaqq, u meta jħabbtilna l-bieb irid isibna lesti – u għalhekk il-penitenza, ir-rażan fuqna nfusna u s-sahra, biex meta jiġi nkunu nogħġbuh.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content