L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena B
NIBQAW B'GĦAJNEJNA MIFTUĦA
«Kunu għajnejkom miftuħa, ishru.» Darba minnhom qgħadt inħares lejn mara tqila titlob. Dak kien spettaklu edukattiv fuq is-sens tal-istennija aħjar minn elf katekeżi. Idejha kienu mqegħdin bil-ħlewwa fuq ġufha, għajnejha magħluqin biex tinqata’ minn dak li jiġri barra, iżda xi ħaġa f’wiċċha mdawwal, u f’rasha kemm kemm immejla lejn ġufha, kienet turi biċ-ċar li l-għajnejn ta’ ġewwa kienu miftuħin u fi djalogu kontemplattiv. Djalogu ma’ Alla u preżenza għall-ħajja u għall-wiċċ li jgħammru fiha. Attenzjoni: din mhijiex stedina għad-diqa. Is-sahra mhijiex ġest passiv. Jiftiehem aħjar kliem Ġesù fid-dawl ta’ wiċċ din il-mara fl-istennija. Aħna lkoll ninsabu nistennew id-dehra tal-Mulej. Noqogħdu attenti bħal mara tqila għall-preżenza maħbuba li tinsab fiha, anki jekk għadha mistura għall-għajnejn. Nishru aħna u nħejju l-qalb u l-ħajja għal-laqgħa ma’ Kristu, bħalma omm tħejji għall-wasla ta’ min għandu jitwieled. Inħejju ruħna mhux biss għall-Milied. Kristu jitwieled illum. Kristu jitwieled issa. Kristu jrid jitwieled dejjem... U jerġa’ jilidna mill-ġdid.