It-Tnissil bla tebgħa ta' Marija
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (3:9-15.20)
(Wara li Adam kiel mis-siġra) il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien għarwien, bżajt u staħbejt.”
U qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp daħak bija, u kilt.”
U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol it-trab għal ħajtek kollha.
Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu.” U lil martu Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 97)
Rit: Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel l-għeġubijiet.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu
u d-driegħ imqaddes tiegħu. Rit...
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. Rit...
Raw it-truf kollha tal-art
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. Rit...
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin (1:3-6.11-12)
Ħuti: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.
Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU (Lq 1:28)
Hallelujah. Hallelujah.
Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
Hallelujah!
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (1:26-38)
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija.
Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima.
Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla, ara, inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.”
Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”
Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -