It-3 Ħadd matul is-sena - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd ta' matul is-sena - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (8:23b–9:3)

Alla bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali, hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar ’l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.
Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.
Int kattart il-ġens, kabbart l-hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh, u l-bastun tal-argużin, int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 26)
Rit: Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi!

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? Rit…

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. Rit…

Nemmen li għad nara
t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. Rit…
IT-TIENI QARI
Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin (1:10-13.17)

Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.
Ħuti, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim: irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid: «Jiena ta’ Pawlu,» «U jiena ta’ Apollo,» «U jiena ta’ Kefa,» «U jiena ta’ Kristu.» Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f’isem Pawlu tgħammidtu?
Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej.     Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. Hallelujah. (ara Mt 4:23)
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna, u fejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.
Hallelujah!


L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (4:12-23)

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: «Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.»
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: «Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.»
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: «Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.» U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.
Il-Kelma tal-Mulej.       Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.

- AUDIO -

- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tielet ġimgħa tas-salterju
It-Tnejn 23 ta’ Jannar:  Ferja. Qari: Lhud 9:15.24-28; Salm 97:1,2-3ab.3ċd-4.5-6; Mark 3:22-30.
It-Tlieta 24 ta’ Jannar: San Franġisk ta’ Sales, isqof u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Lhud 10:1-10; Salm 39:2 u 4ab.7-8a.10.11; Mark 3:31-35.
L-Erbgħa 25 ta’ Jannar: Il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl (F). Qari: Atti 22:3-16 jew Atti 9:1-22; Salm 116:1.2; Mark 16:15-18.
Il-Ħamis 26 ta’ Jannar: San Titu u San Timotju, isqfijiet (TO). Qari: 2 Timotju 1:1-8; jew Titu 1:1-5; Salm 95:1-3.7-8a.10; Luqa 10:1-9.
Il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar: Ferja / Santa Anġela Merici, verġni (T). Qari: Lhud 11:1-2.8-19; Salm Luqa 1:69-70.71-72.73-75; Mark 4:35.
Is-Sibt 28 ta’ Jannar: San Tumas ta’ Aquino, presbiteru u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Lhud 11:1-2.8-19; Lq 1:69-70.71-72.73-75; Mk 4:35-41.

F = Festa; TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content