It-3 Ħadd matul is-sena - Sena A
INBIDDLU R-ROTTA
Il-bidu tal-predikazzjoni ta’ Ġesù hu marbut ma’ ġrajja drammatika: l-arrest ta’ Ġwanni l-Għammied. Ġesù jerġa’ lura, iżda jaqtagħha li qatt ma jerġa’ jmur Nazaret, ir-raħal ċkejken fejn trabba.
“Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Hekk jikteb Mattew: hi s-Saltna li waslet, huwa hu, Alla, li jieħu l-inizjattiva, tiegħu l-ewwel pass. Lilna jitlobna nintebħu, indawru ħarsitna (nindmu, inbiddlu r-rotta). Alla ma jibdiex id-diskors b’xi twiddiba morali, b’xi diskors qawwi biex bih iqajjem l-indiema u jħajjar għall-bidla fl-imġiba. Ikun hu l-ewwel li joffri lilu nnifsu, li jingħata, li jirriskja. Jgħid: “Jien ninsab qribek; m’initx tintebaħ?” Tintebaħ ifisser ittajjar kollox, tħalli l-ħafna ħidmiet, il-ħafna ħwejjeġ, biex terġa’ tikseb l-essenzjal, bħal Pietru, bħal Indrì, li fl-aħħar isiru sajjieda tal-bnedmin. Is-Saltna hija l-għarfien tal-preżenza mħeġġa u mbissma ta’ Alla. Is-Saltna tinsab hemm fejn isaltan Alla, fejn hu jinsab fiċ-ċentru. U l-Knisja, komunità ta’ msejħin u ta’ dixxipli hija tas-Saltna anki jekk mhijiex hi s-Saltna. Lil Żabulun u lil Neftali aħna msejħin biex ngħidulhom: “Alla jinsab qrib tiegħek.” F’dan ma għandek ebda mertu. Hija inizjattiva ħielsa ta’ Alla, int wessa’ qalbek. Ma għandniex insalvaw id-dinja; din diġà salvat! Biss ma tafx li hi salva. U tgħix iddisprata. Lilna jmiss li lil din is-Saltna nuruha, lilna jmiss li ngħixu bħala salvati.