It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija (61:1-2a.10-11)
L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej.
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha. Bħalma l-art tnibbet, bħalma l-ġnien inibbet il-miżrugħ fih, hekk il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija, quddiem kollha kemm huma l-ġnus.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tielet ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 18 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata. Qari: Ġeremija 23:5-8; Salm 71:2.12-13.18-19; Hallelujah: “O Mexxej tad-dar ta’ Israel”; Mattew 1:18-24.
■ It-Tlieta 19 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata. Qari: Mħallfin 13:2-7.24-25a; Salm 70:3-4a.5-6ab.16-17; Hallelujah: “O Għerq ta’ Ġesse”; Luqa 1:5-25.
■ L-Erbgħa 20 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata. Qari: Isaija 7:10-14; Salm 23:1-2.3-4ab.5-6; Hallelujah: “O Muftieħ ta’ David”; Luqa 1:26-38.
■ Il-Ħamis 21 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata / San Pietru Kanisju, presbiteru u duttur tal-Knisja (TL). Qari: Għanja tal-Għanjiet 2:8-14; jew Sofonija 3:14-18a; Salm 32:2-3.11-12.20-21; Hallelujah: ”O Xemx tielgħa”; Luqa 1:39-45.
■ Il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata. Qari: 1 Samwel 1:24-28; Salm 1 Samwel 2:1.4-5.6-7.8abċd; Hallelujah: “O sultan tal-ġnus”; Luqa 1:46-55.
■ Is-Sibt 23 ta’ Diċembru: Ferja tal-Avvent privileġġjata / San Ġwann de Kety, presbiteru (TL). Qari: Malakija 3:1-4.23-24; Salm 24:4bċ-5ab.8-9.10 u 14; Hallelujah: “O Għimanu-El”; Luqa 1:57-66.
TL = Tifkira Limitata
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.