It-3 Ħadd tal-Avvent B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena B
ĠWANNI U ĠESÙ
Fr Edmund Teuma

Did-darba għandna l-istess ritratt ta’ Ġwanni l-Għammied li ħa San Mark, iżda did-darba ħadu Ġwanni l-Evanġelista. Minnu nistgħu nqabblu aħjar lil Ġwanni l-Għammied ma’ Ġesù u naraw id-differenzi bejniethom. Il-Vanġelu jgħid li Ġwanni ġie bħala xhud għad-dawl, li hu Ġesù, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni, għad li hu l-akbar bniedem li twieled min-nisa, stqarr bla ħabi li ma kienx hu l-Messija iżda leħen ta’ wieħed jgħajjat biex ixandar il-miġja tal-Kelma li biha sar kollox. Lanqas ma ppreżenta ruħu bħala “Elija”, għad li fuqu Ġesù qal: “Elija diġà ġie!” U lanqas bħala “il-profeta”, għad li hu magħruf bħala l-aħħar profeta tat-Testment il-Qadim u dak li xandar il-bidu tat-Testment il-Ġdid. Kbira kienet l-umiltà ta’ Ġwanni, u għalhekk hu, bħal Marija u Ġużeppi, Żakkarija u Eliżabetta, Xmun u Anna, u oħrajn, jidħol fis-sensiela tal-foqra tal-Mulej, li jgħixu skont ir-rieda ta’ Alla u għalhekk dejjem attenti biex jisimgħuh. Fuq kollox id-differenza bejn Ġwanni bin Żakkarija u Ġesù l-Messija Bin Alla l-ħaj tidher fil-Magħmudija li t-tnejn li huma kienu jagħtu. Dik ta’ Ġwanni, li llum ma għadhiex teżisti, kienet biss sinjal li jidher minn barra ta’ ndiema, iżda dik ta’ Kristu hija Sagrament li bis-sinjali li jidhru minn barra tagħti l-grazzja li biha jinħafru d-dnubiet – ħaġa li jista’ jagħmilha biss Alla.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content