It-3 Ħadd tal-Avvent - Sena B
PERSUNAĠĠ JEW DIXXIPLU
Id-differenza fil-ħajja tissawwar bl-isfumaturi. Id-djalogu bejn Ġwanni u s-semmiegħa tiegħu hu mibni fuq l-isfumaturi. “Int min int? Kif tazzarda titkellem? Int persunaġġ?” - “Le, m’iniex persunaġġ. Iżda persuna. Ħliqa maħbuba msejħa għal missjoni. M’iniex il-mistenni, iżda ninsab fl-istennija u xogħli hu li jqajjem l-istennija fil-qalb tal-oħrajn.” Is-semmiegħa donnhom ma fehmux l-isfumatura u baqgħu jistaqsu: «Mela għaliex qed tgħammed, la m’intix Kristu, u la Elija, u lanqas il-profeta?» Is-sejħa personali mhux dejjem hi mifhuma mill-oħrajn. Iżda Ġwanni hu wieħed mill-kbar u ma joqgħodx għal dak li jaħsbu l-oħrajn jew għall-fehma tal-maġġoranza. Hu jippreżenta ruħu fid-dawl tal-Kelma, u jgħid li hu wieħed li jħabbar, li jgħajjat lill-Kelma. L-Avvent huwa wkoll dan. Huwa t-tneħħija tal-maskri, u għalhekk jeħtieġ li ma nibqgħux persunaġġi u nsiru dixxipli.