It-2 Ħadd tal-Għid - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (4:32-35)
Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.
B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna.
Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI (Salm 117)
R/. Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem!
jew Hallelujah. Hallelujah. Hallelujah!
Ħa jgħidu wlied Israel:
«Għal dejjem it-tjieba tiegħu.»
Ħa tgħid dar Aron:
«Għal dejjem it-tjieba tiegħu.»
Ħa jgħidu dawk li
jibżgħu mill-Mulej:
«Għal dejjem it-tjieba tiegħu.» R/.
Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej
għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.
Ħaqarni tassew il-Mulej,
iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih! R/.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu (5:1-6)
Għeżież, kull min jemmen li Ġesù hu l-Messija hu mwieled minn Alla, u kull min iħobb lill-Missier iħobb lil min twieled minnu. Minn dan nafu li nħobbu lil ulied Alla, meta nħobbu ’l Alla u nagħmlu l-kmandamenti tiegħu. Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal; għax kull min hu mwieled minn Alla jegħleb lid-dinja. Din hi r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna.
Għax min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla? Dan huwa dak li ġie bl-ilma u d-demm, Ġesù Kristu; mhux bl-ilma biss, iżda bl-ilma u d-demm. U l-Ispirtu hu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. Hallelujah. (Ġw 20:29)
Tumas, emmint għax rajtni, jgħid il-Mulej; henjin dawk li ma rawx u emmnu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (20:19-31)
Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: «Is-sliem għalikom!» Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: «Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.» Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: «Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.»
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: «Rajna lill-Mulej.» Iżda hu qalilhom: «Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.» Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: «Is-sliem għalikom!» Imbagħad qal lil Tumas: «Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.» Wieġeb Tumas u qallu: «Mulej tiegħi u Alla tiegħi!» Qallu Ġesù: «Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.»
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Il-Kelma tal-Mulej. Tifħir lilek Kristu.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tieni ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 8 ta’ April: It-Tħabbira tal-Mulej (ST). Qari: Isaija 7:10-14; 8:10; Salm 39:7-11; Lhud 10:4-10; Luqa 1:26-38.
■ It-Tlieta 9 ta’ April: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 4:32-37; Salm 92:1-2.5; Ġwanni 3:7b-15.
■ L-Erbgħa 10 ta’ April: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 5:17-26; Salm 33:2-9; Ġwanni 3:16-21.
■ Il-Ħamis 11 ta’ April: San Stanislaw, isqof u martri (TO). Qari: Atti 5:27-33; Salm 33:2.9:17-20; Ġwanni 3:31-36.
■ Il-Ġimgħa 12 ta’ April: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 5:34-42; Salm 26:1.4.13-14; Ġwanni 6:1-15.
■ Is-Sibt 13 ta’ April: Ferja tal-Għid / San Martin I, papa u martri (T). Qari: Atti 6:1-7 Salm 32:1-2.4-5.18-19; Ġwanni 6:16-21.
ST = Solennità Trasferita; TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.