It-2 Ħadd tal-Għid sena B
F’din is-silta tal-Atti tal-Appostli, San Luqa jagħtina ritratt tal-ħajja tal-ewwel Insara fl-ewwel żminijiet tal-Knisja f’Ġerusalemm, ftit wara l-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Huma kienu jgħixu l-ħajja komuni, bħal dik tar-reliġjużi ta’ żmienna. Hija ħajja mibnija fuq il-Vanġelu u fiha għalhekk insibu l-qofol tal-għajxien Nisrani; (1) it-tmexxija tal-Appostli; (2) ix-xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù; (3) il-qsim tal-ġid materjali biex kull wieħed jieħu skont il-ħtieġa tiegħu. Dik li tolqotna l-aktar hi l-imħabba li kienet issaltan bejniethom, li sa mill-bidu kienet saret il-karatteristika tal-Insara. Il-fidi fi Kristu Rxoxt iddawwalna u ssaħħaħna biex neqirdu l-egoiżmu u r-regħba li ma jħalluniex inħobbu lil għajrna.