Is-7 Ħadd tal-Għid - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (1:1-11)
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, «li fuqha - qalilhom - smajtu x’kont għidtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.»
Kif kienu flimkien staqsewh: «Mulej, hu dan iż-żmien li fih int sa terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Israel?» Hu weġibhom: «Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.»
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.
Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: «Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tielet ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 13 ta’ Mejju: Ferja tal-Għid / L-Imqaddsa verġni Marija ta’ Fatima (T). Qari: Atti 19:1-8; Salm 67:2-7; Ġwanni 16:29-33.
■ It-Tlieta 14 ta’ Mejju: San Mattija, Appostlu (F). Qari: Atti 1:15-17.20-26; Salm 112:1-8; Ġwanni 15: 9-17.
■ L-Erbgħa 15 ta’ Mejju: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 20:28-38; Salm 67:29-30.33-35-36; Ġwanni 17:11-19.
■ Il-Ħamis 16 ta’ Mejju: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 22:30;23:6-11; Salm 15:1-2.5.7-11; Ġwanni 17:20-26.
■ Il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju: Ferja tal-Għid. Qari: Atti 25:13b-21; Salm 102:1-2.11-12.19-20; Ġwanni 21:15-19.
■ Is-Sibt 18 ta’ Mejju: Ferja tal-Għid / San Ġwann I, papa u martri (T). Qari: Atti 28:16-20.30-31; Salm 10:4.5.7; Ġwanni 21:20-25.
F= Festa; T= Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.