Go to content

Is-17 Ħadd matul is-sena - Jum il-Mulej

Skip menu
Title
Skip menu
Is-17 Ħadd ta' matul is-sena - Sena Ċ
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (18:20-32)

F’dak iż-żmien il-Mulej qal: «L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi tassew qawwija, u t-toqol ta’ dnubhom hu kbir. U issa sa ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf.»
Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham.
Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: «U int sa teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn sa teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.» U l-Mulej wieġeb: «Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom.»
Wiegeb Abraham u qal: «Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin sa teqred il-belt kollha?» U wieġbu l-Mulej: «Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin.»
Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: «U jekk issib hemm erbgħin?» U wieġbu: «Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin.» Qal Abraham: «La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?» U hu wieġeb: «Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin.» U raġa’ qallu: «Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?» U l-Mulej wieġeb: «Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin.» U wieġeb: «La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?» U hu qallu: «Ma neqridhiex minħabba l-għaxra.»
Il-Kelma tal-Mulej.      Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -

- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-Salterju
It-Tnejn 28 ta’ Lulju: Ferja. Qari: Eżodu 32:15-24.30-34; Salm 105:19-23; Mattew 13:31-35.
It-Tlieta 29 ta’ Lulju: Santa Marta, Santa Marija u San Lazzru (TO). Qari: 1 Ġwanni 4:7-16; Salm 33:2-11; Ġwanni 11:19-27 jew Luqa 10:38-42.
L-Erbgħa 30 ta’ Lulju: Ferja / San Pietru Krisologu, isqof u duttur tal-Knisja (T). Qari: Eżodu 34:29-35; Salm 98:5-7.9; Mattew 13:44-46.
Il-Ħamis 31 ta’ Lulju: San Injazju ta’ Loyola, presbiteru (TO). Qari: Eżodu 40:16-21.34-38; Salm 83:3-6a.8a-11; Mattew 13:47-53.
Il-Ġimgħa 1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija de’ Liguori, isqof u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Levitiku 23:1.4-11.15-16.27.34b-37; Salm 80:3-4.5-6ab.10-11ab; Mattew 13:54-58.
Is-Sibt 2 ta’ Awwissu: Ferja / San Ewsebju, isqof ta’ Verċelli (T) / San Pietru Ġiljan Eymard, presbiteru (T) / L-Imqaddsa Verġni Marija f’Jum is-Sibt (T). Qari: Levitiku 25:1.8-17; Salm 66:2-3.5.7-8; Mattew 14:1-12.

TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content