Is-17 Ħadd matul is-sena Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-17 Ħadd matul is-sena Ċ
TALB FIL-QOSOR IŻDA SPISS

Fis-silta tal-lum insibu l-verżjoni tal-“Missierna” kif jagħtiha San Luqa. Hija iqsar minn dik ta’ San Mattew li n-Nisrani jgħidha sikwit fit-talb tiegħu, iżda ż-żewġ Evanġelisti fil-verżjonijiet tagħhom jagħtuna essenzjalment dak li l-Mulej iridna nitolbuh dejjem. B’din it-talba Ġesù tana l-jedd li lil Alla nsejħulu Missier għax aħna bil-magħmudija sirna wlied Alla fl-Iben ta’ Alla. Ħa jkun imqaddes isem Alla fl-art kollha għax kollox hu tiegħu. Ħa tiġi Saltnatu, li hi l-Verb magħmul bniedem, li ġie fl-ewwel miġja iżda għad irid jiġi fit-tieni miġja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin. Min jgħix magħqud miegħu diġà jinsab f’Saltnatu minn din il-ħajja. “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” f’silta oħra tal-Vanġelu Ġesù jgħid: “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem iżda f’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” u “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda tal-Missier” u fl-Ewkaristija Ġesù sar l-ikel tagħna biex nimtlew bih u nsiru hu. “Aħfrilna dnubietna”... biex inħossu l-maħfra ta’ Alla u ngħixu fil-paċi li jaf jagħtiha hu biss jeħtieġ li qabel inkunu ħfirna u ngħaqadna ħaġa waħda ma’ min jagħmlilna l-ħsara. Din hi l-prova u l-garanzija! “La ddaħħalniex fit-tiġrib”... Alla żgur ma jgħabbiniex aktar milli nifilħu, għax hu Alla ġust u fidil. Talbiet qosra iżda li jingħadu sikwit iridhom il-Mulej aktar minn dawk twal u mgħobbijin bil-kliem. Alla jaf x’neħtieġu u x’inhu tajjeb għalina.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content