Is-17 Ħadd ta' matul is-sena - Sena A
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten(3: 5.7-12)
F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl. «Itlobni x’nagħtik,» qallu Alla.
U wieġbu Salamun: «Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?»
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla: «Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja tal-għedewwa tiegħek - iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi - hawn jien sa nagħmel kif għedt int. Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn.».
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 27 ta’ Lulju: Ferja. Qari: Ġeremija 13:1-11; Dewteronomju 32:18-21; Mattew 13:31-35.
■ It-Tlieta 28 ta’ Lulju: Ferja. Qari: Ġeremija 14:17-22; Salm 78:8-9.11.13; Mattew 13:36-43.
■ L-Erbgħa 29 ta’ Lulju: Santa Marta, Santa Marija u San Lażżru (TO). Qari: 1 Ġwanni 4:7-16; Salm 33:2-11; Ġwanni 11:19-27 jew Luqa 10:38-42.
■ Il-Ħamis 30 ta’ Lulju: Ferja / San Pietru Krisologu, isqof u duttur tal-Knisja (T). Qari: Ġeremija 18:1-6; Salm 145:2-6; Mattew 13:47-53.
■ Il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju: San Injazju ta’ Loyola, presbiteru (TO). Qari: Ġeremija 26:1-9; Salm 68:5.8-10.14; Mattew 13:54-58.
■ Is-Sibt 1 ta’ Awwissu: San Alfons Marija de’ Liguori, isqof u duttur tal-Knisja (TO). Qari: Ġeremija 26:11-16.24; Salm 68:15-16.30-31.33-34; Mattew 14:1-12.
TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira;
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.