Is-17 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-ĦAJJA HIJA TIFTIXA
Il-ħajja hija kaċċa għat-teżor. Storja sabiħa. U fil-but għandna d-direzzjonijiet, li nistgħu naqrawhom. Il-mappa tingħata ’l kulħadd, b’xejn. Iżda aħna qisna l-boloh, b’rasna fl-arja, u nagħtu kas ta’ dawk li jridu jbigħulna l-istruzzjonijiet għall-ferħ.
Ġesù jinqeda bil-parabboli biex ifisser aħjar il-misteru ta’ Alla. U jinqeda bi xbihat magħrufin ma’ kull min jisma’, il-Mulej juri l-ħila tiegħu li jikkomunika u x’inhi r-rieda tiegħu. Tlieta huma l-parabboli ċkejknin tal-lum. L-ewwel u l-aħħar jitkellmu fuq xi ħaġa għażiża, li tbiddil il-ħajja tan-nies. Raġel isib teżor huwa u jħaffer, jgħatti kollox u jixtri l-għalqa. Kollezzjonist tal-ġawhar, l-aktar oġġett prezzjuż fil-qedem, bħalma għalina llum huma d-djamanti, isib ġawhra straordinarja u jixtriha. L-idea hija l-istess: il-ħajja hija tiftixa, u Alla biss jagħraf dak li jista’ jimlielna qlubna. Alla biss jaf x’jagħmilna henjin profondament, henjin b’mod awteniku. Kultant niltaqgħu ma’ Alla bla ma nfittxuh, kif għamel dak il-flien li sab it-teżor huwa u jħaffer. Drabi oħra, iżda, il-laqgħa ma’ Alla hija l-bidu wara tiftixa twila u mħabbta, tiftixa li tista’ ttul ħajja sħiħa. X’aħna nfittxu? Għadna nfittxu? Fil-qieraħ tas-sajf il-Mulej jippreżenta ruħu bħala dak li waħdu jista’ jimlielna qalbna. Qed jerġa’ jingħadilna li l-laqgħa ma’ Alla hija l-akbar sejba ta’ ħajjitna.