Is-17 Ħadd matul is-sena - Sena A
IR-RABTA TA' ALLA MAL-BNIEDEM
Kif niltaqgħu ma’ Alla? Billi nfittxuh? Jew inħalluh jissorprendina bil-laqgħa? Il-parabboli tal-Vanġelu tal-lum ma jħallux għażla. Ġesù juri li Alla għandu fantasija bla tarf fil-mod kif jidħol f’rabta mal-bniedem. It-teżor moħbi fl-għalqa jinstab b’kumbinazzjoni, mingħajr taħbit jew ħsieb biex wieħed ifittxu. Fil-każ tan-negozjant ifittex ġawhar fin, is-sejba saret bi sforz. Mhux b’kumbinazzjoni, it-tielet parabbola tas-Saltna ssemmi xibka li tintefa’ fil-baħar biex «fiha jinġabar minn kollox.» Iżda rridu ngħidu li l-inizjattiva hi dejjem tal-Mulej. Anki fil-bniedem li jfittex bl-addoċċ, hu «l-istint tal-Ispirtu s-Santu» li jħarriklu qalbu biex ifittex il-Mulej. Infittxu ’l Alla għax għandna xewqa naturali li naraw lil Alla. Iżda jekk Alla jagħmel minn kollox biex jiltaqa’ mal-bniedem, imiss lil dan tal-aħħar li jagħmel għażla importanti: iħalli lil min isibu, jagħraf il-grazzja u l-ferħ tal-laqgħa mal-Mulej. Hu dak li naraw fiż-żewġ persunaġġi tal-parabboli li qrajna: il-ferħ tas-sejba u l-kuraġġ tat-tħollija ta’ dak li hu żejjed biex tħaddan l-Uniku meħtieġ.