Is-17 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
Is-17 Ħadd matul is-sena A
AKTAR DWAR IS-SALTNA

Is-silta tal-lum tkompli ma’ dik tal-Ħadd ta’ qabel. Għandna quddiemna tliet parabboli oħra “tas-Saltna”. Nerġa’ nfakkar li s-Saltna tas-Smewwiet mhijiex post iżda hija l-persuna ta’ Ġesù. B’dawn it-tliet parabboli Ġesù jrid jgħidilna li għan-Nisrani hu għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox. Għalhekk ixebbah is-Saltna (= lilu nnifsu) ma’ teżor moħbi f’għalqa li min isibu jmur jixtri l-għalqa biex magħha jkollu t-teżor. Ġesù għan-Nisrani huwa dik il-ġawhra li min isibha jbigħ kulma jkollu (= jinqata’ mill-ġid tad-dinja) biex jixtri lilha. F’silta oħra tal-Vanġelu Ġesù jgħid li hu ġie fid-dinja mhux biex iġib il-paċi iżda l-firda. Għax huwa l-kriterju tal-verità; min iħobb u jrid il-verità jmur miegħu, iżda min ma jridhiex jinfired minnu. Għalhekk kif qal Xmun lill-Verġni Mbierka fil-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempju: “Sa jkun sinjal li jmeruh.” Dan hu sewwasew li qed tgħidilna t-tielet parabbola tas-Saltna li għandna fis-silta. Ġesù jistad (lill-Appostli qalilhom li ried jagħmel minnhom sajjieda tal-bnedmin), jaqbad kull xorta ta’ nies (qabad saħansitra lil min ċaħdu), iżda mbagħad issir l-għażla, jew il-firda. U jekk din ma ssirx mill-bnedmin stess jaħseb biex jagħmilha l-Mulej innifsu.






ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content