Ir-4 Ħadd tar-Randan - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki (36:14-16.19-23)
F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm.
U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkażbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kulma kellha prezzjuż.
U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: «Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena.»
Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: «Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: “Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha tal-art, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla’.”»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-Salterju
Quddiesa libera: Mikea 7:7-9; Salm 26:1-9.13-14; Ġwanni 9:1-41.
■ It-Tnejn 11 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Isaija 65:17-21; Salm 29:2.4-6.11-13; Ġwanni 4:43-54.
■ It-Tlieta 12 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Eżekjel 47:1-9.12; Salm 45:2-3.5-6.8-9; Ġwanni 5:1-3.5-16.
■ L-Erbgħa 13 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Isaija 49:8-15; Salm 144:8-9.13-14.17-18; Ġwanni 5:17-30.
■ Il-Ħamis 14 ta’ Marzu. Ferja tar-Randan. Qari: Eżodu 32:7-14; Salm 105:19-23; Ġwanni 5:31-47.
■ Il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Għerf 2:1a.12-22; Salm 33:17-18.19-20.21 u 23; Ġw 7:1-2.10.25-30.
■ Is-Sibt 16 ta’ Marzu: Ferja tar-Randan. Qari: Ġeremija 11:18-20; Salm 7:2-3.9-12; Ġwanni 7:40-53.
TL = Tifkira Limitata.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.