Għid il-Ħamsin - Sena Ċ
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2:1-11)
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: «Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- VIDEO -
Fr Elija Vella OFMConv.
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tieni ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 9 ta’ Ġunju: L-Imqaddsa Verġni Marija, Omm u Xbieha tal-Knisja (TO). Qari: Ġenesi 3:9-15.20 jew Atti 1:12-14; Salm 86:1-3.5-7; Ġwanni 19:25-34.
■ It-Tlieta 10 ta’ Ġunju: Ferja. Qari: 2 Korintin 1:8-22; Salm 118:129-133.135; Mattew 5:13-16.
■ L-Erbgħa 11 ta’ Ġunju: San Barnaba, appostlu (TO). Qari: Atti 11:21b-26 – 13:1-3; Salm 97:1-6; Mattew 10:7-13.
■ Il-Ħamis 12 ta’ Ġunju: Ferja. Qari: 2 Korintin 3:15 – 4:1.3-6; Salm 84:9ab-14.; Mattew 5:20-26.
■ Il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju: Sant’Antnin ta’ Padova, presbiteru u duttur tal-Knisja (TO). Qari: 2 Korintin 4:7-15; Salm 115:10-11.15-18; Mattew 5:27-32.
■ Is-Sibt 14 ta’ Ġunju: Ferja / L-Imqaddsa Verġni Marija f’Jum is-Sibt, (T). Qari: 2 Korintin 5:14-21; Salm 102:1-4.8-9.11-12; Mattew 5:33-37.
TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.