Għid il-Ħamsin Ċ
MA KIENX RIĦ IMMA RIEFNU
Ma nistgħux nagħmluha. Le, m’aħniex kapaċi. Ħadd minn dawk li għandhom moħħhom fuq għonqhom ma jista’ jagħmilha. M’aħniex kapaċi nxandru s-Saltna bi trasparenza biżżejjed, bi ftit koerenza, bil-passjoni meħtieġa.
Ma kienx riħ imma riefnu, li qaċċat iċ-ċertezzi li kellhom, li ħarbathom, li tajrilhom ħwejjiġhom u qanfdilhom xagħarhom, u fl-aħħar dawwarhom. Niżel in-nar fil-qlub u ħaraqhom. It-theżżiża waqqgħetilhom iċ-ċertezzi ċkejknin u l-proġetti li kellhom. Le, tabilħaqq, ma jistgħux jagħmluha. Naqbel. Sa jkun l-Ispirtu li jaħdem. Wasal id-don imħabbar tal-Irxoxt. Qatt ma setgħu jobsru kif kien sa jkun. Aktar minn kull dawl ieħor, aktar minn kull konvinzjoni jew determinazzjoni, minn kull proġett jew pjan pastorali. Dan hu l-Ispirtu. Qalbhom issa mimlija, joħorġu fit-triq, iwaqqfu lill-pellegrini għaddejjin minn Ġerusalemm li ġew għal Għid il-Ħamsin. Ikellmuhom dwar l-Imgħallem, jistqarruh bħala Messija u Mulej u jgħidu li jinsab magħhom. Wasal l-Ispirtu. Huwa jitwieled missalib għax is-salib juri l-kejl tal-imħabba ta’ Alla li hi l-Ispirtu. Huwa don sħiħ, definittiv, vitali (Nemmen fl-Ispirtu li jagħti l-ħajja hekk nistqarru fil-Kredu). L-Ispirtu huwa don tal-Irxoxt u jġib miegħu d-doni tal-paċi tal-qalb u l-ħila li wieħed jaħfer. U l-Ispirtu huwa l-Liġi l-ġdida li tidħol minflok dik li Alla ta lil Mosè fuq is-Sinaj, il-festa li l-Lhud jiċċelebraw f’jum Għid il-Ħamsin. Issa l-Liġi tinsab miktuba fil-qlub u l-Ispirtu jfakkarhielna.