Għid il-Ħamsin - Sena B
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2:1-11)
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: «Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!»
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kummenti dwar il-qari
- AUDIO -
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tielet ġimgħa tas-Salterju
■ It-Tnejn 20 ta’ Mejju: Marija Omm u Xbieha tal-Knisja (TO). Qari: Ġenesi 3:9-15.20; jew Atti 1:12-14; Salm 86:1-3.5-7; Ġwanni 19:25-34.
■ It-Tlieta 21 ta’ Mejju: Ferja / San Kristofru Magallanes, presbiteru, u sħabu, martri (T). Qari: Ġakbu 4:1-10; Salm 54:7-8.9-10a.10b-11a.23; Mark 9:30-37.
■ L-Erbgħa 22 ta’Mejju: Ferja / Santa Rita ta’ Cascia, reliġjuża (T). Qari: Ġakbu 4:13-17; Salm 48:2-3.6-11; Mark 9:38-40.
■ Il-Ħamis 23 ta’ Mejju: Ferja. Qari: Ġakbu 5:1-6; Salm 48:14-15b.15ċd-16.17-18.19-20; Mark 9:41-50.
■ Il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju: Ferja. Qari: Ġakbu 5:9-12; Salm 102:1-2.3-4.8-9.11-12; Mark 10:1-12.
■ Is-Sibt 25 ta’ Mejju: Ferja / L-Imqaddsa Marija Verġni f’jum is-Sibt (T) / San Beda l-Venerabbli, presbiteru u duttur tal-Knisja (T) / San Girgor VII, papa (T) / Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, verġni (T). Qari: Ġakbu 5:13-20; Salm 140:1-2.3 u 8; Mark 10:13-16.
TO = Tifkira Obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur ħdejn id-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.